L-affari Clinton-Lewinsky għal fuq it-TV

L-affari ta’ bejn il-President Amerikan Bill Clinton u Monica Lewinsky u l-proċeduri għall-impeachment tiegħu fl-1999 se tkun drammatizzata fuq it-televiżjoni Amerikana. Is-sensiela fl-American Crime Story se tintwera għal żmien l-elezzjoni presidenzjali tas-sena li ġejja.

Lewinsky se tkun fost il-producers tal-produzzjonijiet FX li diġà wrew staġuni konnessi ma’ OJ Simpson u l-qtil ta’ Gianni Versace. L-attriċi Beane Feldstein se taħdem il-parti ta Lewinsky fid-drama. Għad mhux magħruf minn se jaħdem il-parti ta’ Bill Clinton. Il-produzzjoni se tkun mibnija fuq il-ktieb ta Jeffrey Toobin li ħareġ fis-sena 2000.

Ritratt: Monica Lewinsky (fuq ix-xellug, is-sena l-oħra) se tkun interpretata minn Beanie Feldstein

Lewinsky meta intervistata mill-magażin Vanity Fair qalet li għall-ewwel damet taħsibha ftit u kienet ftit imbeżżgħa li jkollha x’taqsam mal-produzzjoni televiziva. Iżda d-dubji tagħha dabu meta ltaqgħet mad-direttur Ryan Murphy, l-istess wieħed li pproduċa American Horror Story.

John Landgraf, iċ-chairman tal-FX, iddefenda l-ħsieb tal-kumpanija li juri d-drama waqt li  l-poplu Amerikan ikun qed jaħseb biex jivvota għal president gdid. Hu tenna li ma jaħsibx li Crime Story se tiddeċiedi minn se jirbaħ l-elezzjoni presidenzjali li jmiss.