L-ADŻ tappella għal iktar postijiet ta’ divertiment għall-adoloxxenti

Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Alternattiva Demokratika qed titlob li jkun hawn iktar sorveljar regolari mill-Pulizija fi stabbilimenti tad-divertiment.
Wara l-inċidenti tal-bieraħ f’Paceville, l-Alternattiva Demokratika Żgħażagħ tinsab imħassba mhux biss għax l-adoloxxenti tħallew jidħlu fi stabbilimenti tad-divertiment imma li f’Malta m’hawnx postijiet tad-divertiment addattati għal dawn l-adoloxxenti.
Fi stqarrija l-ADŻ qalet li skont il-liġi, il-preżenza ta’ adoloxxenti taħt is-17–il sena f’postijiet fejn jinbiegħ l-alkoħol huwa illegali. 
Qalet li l-preżenza ta’ adoloxxenti f’dawn il-postijiet tirrifletti l-fatt li żgħażagħ ta' din l-età m’għandhomx biżżejjed għażliet fuq kif iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
L-ADŻ esprimiet simpatija mal-familji tal-feruti u awgurat fejqan ta’ malajr lil kull min weġġa’.