L-adulti b’irwol importanti biex tonqos l-ansjetà fit-tfal li sejrin lura l-iskola – Psikologa u Terapista tal-Familja

Miguela Xuereb

L-adulti għandhom irwol importanti fejn tidħol it-tnaqqis tal-ansjetà fit-tfal hekk kif fil-ġimgħat li ġejjin dawn se jkunu qed jirritornaw fuq il-bank tal-iskola qalb pandemija. Dan qalitu l-psikologa klinika u terapista tal-familja Elaine Schembri Lia f’intervista ma’ Newsbook.com.mt dwar l-ansjetà fit-tfal issa li l-iskola mistennija terġa’ tibda.

Schembri Lia spjegat li l-ansjetà hija meta xi ħadd ikun imħasseb, mimli tensjoni jew imbeżża’, speċjalment fejn jidħlu affarijiet li għad iridu jiġru, li wieħed m’għandux kontroll fuqhom jew m’hemmx ċertezza. Spjegat li hija reazzjoni normali fil-bnedmin meta jħossu li b’xi mod jew ieħor hemm xi forma ta’ bidla jew theddida għas-saħħa tal-persuna. Dan it-tħassib mhux biss fl-adulti, iżda jgħaddu minnu wkoll it-tfal.

Hi rrimarkat li l-perjodu tal-pandemija kien wieħed diffiċli għal kulħadd u li ġab sitwazzjoni ġdida li l-popolazzjoni umana ma kinitx preparata għaliha. It-tfal spiċċaw għaddew minn tibdiliet kbar u kellhom jaddattaw għal mod ta’ ħajja ġdida. Dawn twaqqfu milli jmorru fl-iskejjel u servizzi li forsi huma ta’ sinifikat għal uħud minnhom, għal xi żmien ingħalqu d-dar u ma setgħux jiltaqgħu ma’ sħabhom u l-qraba tagħhom. Huma kellhom anke jaddattaw lilhom innifishom għal sistema edukattiva ġdida.

Newsbook.com.mt staqsa jekk il-ftuħ tal-iskejjel mill-ġdid hux se jkun qed joħloq ansjetà ġdida fit-tfal. Dan hekk kif issa mhux biss se jmorru lura l-iskola, iżda jridu jsegwu regoli aktar stretti li qabel lanqas biss kienu jimmaġinawhom. Ms Schembri Lia qalet li bħal kull esperjenza ġdida, din ukoll tista’ tikkawża xi ansjetajiet fit-tfal. Qalet li l-ambjent li se jidħlu fih it-tfal u l-edukaturi se jkun ferm differenti minn dak li kienu mdorrijin fih.

L-ansjetà tal-adulti kif tista’ taffettwa lit-tfal?

Schembri Lia spjegat li wieħed irid jifhem għaliex l-adulti, inkluż il-ġenituri, għandhom l-ansjetà: dawn ukoll qed jaffaċċjaw sitwazzjoni ġdida għalihom innifishom u għal uliedhom. B’hekk sostniet li l-ansjetà fl-adulti hija waħda raġunata ħafna fis-sitwazzjoni attwali. “Mill-banda l-oħra nafu li l-ansjetà fl-adulti tista’ żżid l-ansjetà fit-tfal. Adulti ansjużi mhux bilfors se jkunu qed jagħtu eżempju tajjeb u jipprovdu kapaċitajiet biex it-tfal ikampaw mal-ansjetà taghhom. Ghalhekk huwa importanti li l-adulti jsibu kuntesti fejn jistgħu jitkellmu u jaffrontaw l-ansjetajiet tagħhom ‘il bogħod mit-tfal biex huma imbagħad ikollhom il-kapaċitajiet u l-ispazji emottivi, mentali u fiżiċi meħtieġa biex ikunu jistgħu jissapportjaw lit-tfal,” sostniet Ms Schembri Lia.

Qalet li huwa importanti li l-adulti jgħinu lit-tfal jippreparaw ruħhom għas-sitwazzjoni li se jaffaċċjaw fil-kuntesti edukattivi u jgħarrfu lit-tfal dwar it-tibdiliet li qed isiru b’modi li huma jkunu jistgħu jifhmuhom. Spjegat li dawk it-tfal li se jkunu qed imorru fiżikament l-iskola jridu jiġu mgħarrfa dwar il-miżuri l-ġodda li se jsibu u x’għandhom jagħmlu biex iżommu lilhom infushom u lil ta’ madwarhom protetti meta jkunu waħedhom jew ‘il boghod mid-dar. “Mill-banda l-oħra, it-tfal li se jkunu qed jitgħallmu online iridu jifhmu l-implikazzjonijiet dwar dan u jingħataw l-għajnuna biex huma wkoll iżommu kuntatt mad-dinja hemm barra,” kompliet tgħid il-psikologa.

Għalliema jirritornaw fil-klassi:
Ritratti: L-għalliema lura l-iskola f’pandemija

Spjegat li l-adulti jgħinu wkoll billi jdaħħlu sens ta’ fiducja fit-tfal tagħhom u juruhom li jemmnu fil-kapaċità tagħhom li jieħdu ħsieb tagħhom infushom speċjalment x’ħin ikunu ‘l bogħod minnhom. Għandhom juruhom li jemmnu li huma se jikbru u jiżviluppaw b’mod meħtieg u li huma bħala adulti qed jagħmlu minn kollox biex jassiguraw is-saħħa u sigurtà tagħhom flimkien mal-awtoritajiet tal-pajjiż u tad-dinja. Qalet ukoll li l-adulti għandhom ileħħnu l-fiduċja li jemmnu li se jirnexxilhom jegħlbu l-ostakli li għaddejin minnhom b’mod tajjeb. “Importanti li nrawmu sens ta’ tama u reżiljenza fit-tfal tagħna.”

Żiedet tgħid li huwa importanti li t-tfal jingħataw spazju fejn iħossuhom sikuri jesprimu lilhom innifishom, speċjalment jekk dawn huma ansjużi u mbeżżgħin. Qalet li l-adulti jridu jagħtu lit-tfal l-ispazju u l-ħin biex jisimgħuhom u jinkoraġġixxu dan. Insistiet li fejn jistgħu l-adulti jridu jippruvaw u juru li qed jifhmu lit-tfal.

“Huwa importanti li jekk it-tfal jitkellmu dwar xi problema jew inkwiet partikolari, l-adulti jkunu lesti jgħinuhom, jaħsbu magħhom u jaħdmu flimkien mat-tfal biex isibu soluzzjonijiet konkreti li jistgħu jgħinuhom fil-mument ta’ bżonn. It-tfal irid ikollhom pjan ta’ x’jistgħu jagħmlu x’ħin iħossuhom mhedda u ansjużi biex ma jibqgħux iħossuhom ħażin,” spjegat il-psikologa.

Modi differenti kif tgħin lit-tfal jersprimu u jagħmlu sens mill-ansjetà

Schembri Lia spjegat li hemm modi differenti kif wieħed jista’ jfiehem lit-tfal x’inhi l-ansjetà. Qalet li dan jista’ jsir bil-kliem u spjegazzjonijiet sempliċi kif ukoll permezz ta’ kotba u filmati dwar dan li wieħed jista’ faċilment isib anke fuq l-internet. “Tajjeb li t-tfal jitgħallmu jagħrfu s-sinjali tal-ansjetà fihom infushom u jiskopru x’jistgħu jagħmlu biex jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Forsi jistgħu jispjegawlhom anke strateġija sempliċi kif dawn jistgħu jirrilassaw,” qalet il-psikologa. Dawn jinkludu:

  • Jgħoddu mill-1 sa l-10,
  • Jieħdu tliet nifsijiet fondi u twal,
  • Jaħsbu dwar xi ħaġa sabiħa,
  • Jisfidaw lill-ħsibijiet negattivi tagħhom billi jkunu l-’avukat tax-xitan’,
  • Jagħmlu xi ħaġa li taljenahom per eżempju jpinġu, jisimgħu xi mużika rilassanti jew jiktbu, fost oħrajn.

Qalet li tfal li jsibuha diffiċli jitkellmu dwar l-ansjetà tagħhom jistgħu jiġu mħeġġa jiktbu, filwaqt li dawk aktar attivi jistgħu jagħmlu xi attività fiżika jew jilagħbu biex joħorġu l-emozzjonijiet tagħhom. L-adulti jistgħu ukoll jużaw metodi kreattivi biex jgħinu lit-tfal ansjuzi bħal tpenġija, poeżija u anke krafts.

Spjegat ukoll li tfal ansjużi tgħinhom ukoll iż-żamma ta’ rutina u għalhekk kemm jista’ jkun anke l-ambjenti li fihom qed jitrabbew it-tfal iridu jkunu konsistenti. Dawn għandhom jipprovdu imħabba, rutina u struttura lit-tfal sabiex biha jħossuhom sikuri f’dinja li ma tantx hi sikura f’dan il-mument partikolari.

L-adulti jridu jippreparaw irwieħhom ukoll

Il-psikologa kompliet tispjega li minħabba l-kuntest li tinsab fih id-dinja, l-adulti jridu wkoll jippruvaw jieqfu u jifhmu minn xiex għaddejjin. Huma jridu jippreparaw irwieħhom għal dak li ġej. Sostniet li b’dan il-mod ikunu jistgħu jghinu lit-tfal ikunu flessibli forsi anke għas-sitwazzjonijiet li se ġġib magħha s-sena akkademika l-ġdida. L-adulti hekk ikunu jistgħu jgħinuhom ikunu preparati għal dak li jistgħu jaffaċċjaw fix-xhur akkademiċi li ġejjin u jitkellmu dwar kif dawn qed jaffettwawhom. Insistiet li huwa importanti li l-adulti jżommu kuntatt regolari mal-edukaturi tat-tfal tagħhom u dak li qed jiġri fid-dinja, b’mod partikolari fil-kuntest edukattiv u psikosoċjali.

“Filwaqt li l-ansjeta tal-adulti – ġenituri, edukaturi, eċċ – hija waħda raġjonevoli fil-kuntest li qegħdin fih, huwa importanti wkoll li dawn joqogħdu attenti għal dak li qed jesponu lit-tfal fir-responsabbiltà tagħhom, inklużi l-biżgħat li forsi huma wkoll ikollhom. Għandhom joqgħodu attenti dwar dak li qed jitkellmu jew jagħmlu quddiem it-tfal. Fejn iħossu l-bżonn, l-adulti għandhom ifittxu għajnuna għalihom infushom. Jistgħu wkoll jgħinu lit-tfal biex ifittxu għajnuna professjonali fejn iħossu li l-problemi tat-tfal huma ikbar minn dak li jistgħu jaffaċċjaw waħedhom. Per eżempju kuntesti li jistgħu jgħinuhom jitkellmu u jitgħallmu jaffaċċjaw l-ansjetà; dan jista’ jsir permezz tas-servizzi eżistenti kemm fl-iskejjel u anke dawk marbuta mas-saħħa mentali,” sostniet il-psikologa.

Ansjetà eċċessiva fit-tfal

Schembri Lia qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-ansjetà eċċessiva tista’ timmanifesta ruħha kemm fil-mod kif iġibu ruħhom it-tfal kif ukoll il-mod kif jaħsbu dwarhom infushom. Meta t-tfal ikunu ansjużi jistgħu iħossuhom ħażin u dan iħalli effett negattiv kemm fuq is-saħħa emozzjonali u anke dik mentali tagħhom. Maż-żmien, dan jista’ jaffettwa wkoll il-kunfidenza tagħhom.

Kif jaġixxu tfal ansjużi?

  • Jibku,
  • Iħossuhom imdejqin,
  • Jieklu ftit jew jieklu ħafna,
  • Jorqdu ftit jew jorqdu ħafna, jew ma jkunux jistgħu jorqdu,
  • Joħolmu ikrah,
  • Iħossuhom imferfrin jew aġitati,
  • Isiru aktar “clingy” u jibżgħu jkunu waħedhom,
  • Jibżgħu jippruvaw affarijiet ġodda, anke jekk sempliċi,
  • Jidħlu fihom infushom jew ikollhom problemi ta’ mġieba xi kultant anke ta’ irritazzjoni jew ribelljoni,
  • Ikunu inkwetati,
  • Jippruvaw jevitaw sitwazzjonijiet li jkunu qed jinkwetawhom jew li jirrikjedu sforz kbir anke fil-ħajja ta’ kuljum,
  • Imorru lura fl-iżvilupp tagħhom, eżempju jkun tgħallmu jorqdu waħedhom imma jerġgħu jibdew ifittxu l-ġenitur biex jorqdu,
  • Iħossuhom mimlijin tensjoni u xi drabi jkollhom panic attacks,
  • Ikollhom rashom, żaqqhom jew stonku juġagħhom jew ma jħossuhomx fiżikament tajjeb,
  • Jiċċaqalqu mill-kamra jew jużaw toilet spiss,
  • Ikollhom problemi biex jikkonċentraw,
  • Jirrabjaw malajr,
  • Jaħsbu fin-negattiv u li se jiġru affarijiet koroh
  • Fost oħrajn

Huwa importanti ħafna li dawk l-adulti li jinnutaw fit-tfal xi wieħed minn dawn is-sintomi jew forsi xi sintomu ieħor li jkun repetut fuq medda ta’ zmien jfittxu għajnuna professjonali biex ikunu jistgħu jipprotegu lit-tfal u jgħinuhom mid-diffikultajiet li jkunu qed jaffaccjaw.

Schembri Lia se tkun qed tmexxi webinar dwar dan is-suġġett nhar l-Erbgħa 7 ta’ Ottubru tal-2020 bejn il-5.30pm u s-7.00pm. Jekk tixtieq iktar informazzjoni dwar l-ansjeta’ fit-tfal jew dan il-webinar tista’ tikkuntattjaha fuq l-email elaine.schembrilia@gmail.com jew fuq 79851107.