L-ADPD tikkundanna l-pjan tal-Gvern biex jibni moll Kemmuna

Read in English.

L-ADPD ikkundannat il-pjan tal-Gvern biex jibni moll ta’ 136 metru fil-bajja Blue Lagonn f’Kemmuna. “Issa l-Gvern se jdur għal Kemmuna,” argumenta l-partit.

Fi stqarrija, iċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo qal li l-partit konġunt jisfida lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u lill-Ministru għall-Ambjent biex jieħdu pożizzjoni u jopponu dak li hu sejjaħlu “sfreġju.”

Cacopardo semma kif dal-proġett reġa’ tqajjem mill-mewt wara li sentejn ilu kienet saret proposta simili. “Kif jista’ l-Gvern jitkellem fuq il-kwalità tal-ħajja u l-kunċett ta’ wellbeing first meta jrid jeqred żona naturali unika? Għall-paroli l-ewwel jiġu, imma l-fatti juru mod ieħor,” żied jgħid Cacopardo.

Fil-fehma tal-ADPD, bħala sit ta’ Natura 2000, Kemmuna għandha titħares b’mod professjonali. Il-partit qal li għall-Gvern m’hemm l-ebda bilanċ bejn żvilupp u natura, għax għall-Gvern dan isarraf f’kummerċjalizzazzjoni li teqred il-gżira f’isem il-profitti. Kompla jgħid li s-sostenibbiltà f’Kemmuna tfisser limitu strett fuq in-numru ta’ turisti li jistgħu jaċċessaw il-gżira, u r-rijabilitazzjoni u l-konservazzjoni ta’ Kemmuna skont standards professjonali. 

L-ADPD inkoraġġixxiet lill-pubbliku u l-NGOs biex ikomplu jaħdmu u jsemmgħu leħinhom biex Kemmuna ma tinqeridx. L-aħħar appell tal-ADPD kien li l-Gvern għandu jieqaf jaqdi interessi privati mill-koxxa.