​“L-adozzjoni mhix biss li żewġ persuni jagħżlu li jrabbu” – Sina Bugeja

“L-adozzjoni hija ferm aktar kumplessa milli żewġ persuni jagħżlu li jrabbu tifel jew tifla li ma jkollhomx ġenituri”. Dan qalitu fil-blogg tagħha fuq Newsbook.com.mt, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi tal-Ħarsien Soċjali Sina Bugeja.
Spjegat kif is-servizz tal-adozzjoni għadda f’idejn l-Aġenzija Appoġġ ftit snin ilu, u li l-irwol tal-aġenzija hu li tassessja dawk il-persuni li juru x-xewqa li jadottaw, filwaqt li toffrilhom taħriġ u għajnuna.
Sina Bugeja sostniet li ħafna drabi l-ġenituri li jiddeċiedu li jagħtu lil uliedhom għal adozzjoni jiġu ġġudikati b’mod negattiv. Madanakollu wieħed għandu jammira l-kuraġġ tagħhom biex jaslu għal din id-deċiżjoni għax jafu li hekk biss uliedhom jista’ jkollhom ħajja aħjar.
Qalet li l-Aġenzija Appoġġ tagħti sapport ukoll wara li tkun seħħet l-adozzjoni. Spjegat kif bil-liġi, wara li jiġu adottati t-tfal jistgħu jżommu kuntatt mal-ġenituri naturali tagħhom, dejjem jekk ikun fl-aħjar interess tagħhom.
Bugeja sostniet li meta t-tfal jiġu adottati, wieħed m’għandux jagħti kas biss tal-ambjent familjari, iżda wkoll dak soċjali.
Aqra l-blogg sħiħ hawn.