L-adoloxxenti Maltin fil-Prince’s Trust fost l-aqwa fejn jiġi offrut

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, qal fil-parlament li l-adoloxxenti Maltin li qed isewgu l-programm tal-Prince’s Trust huma meqjusa fost l-aqwa fejn jiġi offrut.
Waqt id-dibattitu dwar l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Jobsplus il-Ministru faħħar lil dawn l-istudenti Maltin għas-suċċess tagħhom f’dawn il-korsijiet, u enfasizza li ma jaċċetta qatt kliem u termini li jiddeskrivu lil xi studenti bħala “batuti” jew “mhux tajbin”.
Il-Prince’s Trust huwa programm edukattiv imniedi mir-Renju Unit biex jgħin żgħażagħ ta’ bejn il-11 u t-30 sena li jkollhom sfidi akkademiċi jew li jkunu jinħtiegu ħiliet biex isibu xogħol.
Sostna li flok nitkellmu fuq studenti mhux tajbin, għandna niffukaw fuq skejjel mhux tajbin, skejjel li mhumiex jilħqu l-miri sabiex joffru servizz lill-istudenti.
Bartolo tkellem ukoll dwar l-iskema li tobbliga l-kumpaniji jħaddmu minn tal-inqas 2% tal-impjegati persuni b’diżabbiltà.
Sostna li dan mhuwiex biżżejjed, u nnota li għalxejn dawn jinstabilhom ix-xogħol jekk minħabba raġunijiet varji ma jkunux jistgħu imorru x-xogħol.
Temm jgħid li l-Gvern se jkun qiegħed jara kif se jsolvi l-problema tat-trasport għall-persuni b’diżabbiltà li jkunu sabu xogħol.
Finalment qal li l-pajjiz għandu jiffaċċja dawn il-problemi u l-isfidi, u mhux jenfasizza biss iċ-ċifri. 
Ritratt: Arkivji