L-adolexxenti Maltin u … Beat It

Fl-iskola sekondarja St Theresa College tal-Imrieħel tnieda proġett ġdid immirat biex nipprevjenu l-arrest kardijaku għall-għarrieda fl-adolexxenti.
Il-proġett jiġbor flimkien id-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Impjiegi, l-Università ta' Malta, il-Malta Heart Foundation u numru ta' sponsors korporattivi.
Il-proġett, bit-titlu ‘BEAT IT – Screening for Sudden Cardiac Arrest in Maltese Adolescents’, immirat biex jidentifika individwi b'riskju għoli ta' arrest kardijaku mill-istudenti li jattendu l-5th form fl-iskejjel kollha ta' Malta u Għawdex.
Għalkemm il-kundizzjoni hi rari, l-implikazzjonijiet bijoloġiċi, psikoloġiċi u soċjali f'dawn il-każijiet huma sinifikanti, kemm għall-familja kif ukoll għall-ħbieb tal-vittma.  
Il-vittmi ta' sudden cardiac arrest spiss huma żgħażagħ b'saħħithom, fattur li jagħmel il-konsegwenzi ferm iktar diffiċli. Aktar minn 80% ta' dawn l-individwi ma juru l-ebda sintomu  qabel ma jseħħ l-arrest għall-għarrieda, u huwa għalhekk li l-iskrining huwa importanti, kif jidher mid-data preżenti.
L-iskrining għandu sensittività ta' aktar minn 85%. Dawk l-individwi identifikati li qegħdin f'riskju ogħla jiġu riferuti fil-kliniċi speċjalizzati għal aktar investigazzjonijiet u trattament possibbli. L-Università ta' Malta se tkun qed tistudja l-korrelazzjoni ġenetika ta' dawn l-individwi permezz tal-proċess ta' sekwenzar tad-DNA li jispjega l-implikazzjonijiet ġenetiċi ta' abnormalitajiet bħal dawn.
Il-proġett, immexxi mill-kardjologu Dr Mark Abela, huwa mistenni li jdum bejn sitta u 12-il xahar, u beda f’din is-sena skolastika.