L-AD u l-PD se jingħaqdu għall-elezzjoni li jmiss

Read in English.

L-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku se jingħaqdu bħala partit wieħed għall-elezzjoni li jmiss.

Il-Mexxej Interim tal-Partit Demokratiku Timothy Alden ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li dan huwa l-ħsieb taż-żewġ partiti, peress li ilhom żmien jaqblu fuq il-fehmiet tagħhom, u jixtiequ illi jikbru flimkien sabiex jippreżentaw oppożizzjoni b’saħħitha.

Fil-kumment tiegħu ma’ Newsbook.com.mt, Alden spjega li d-diskussjonijiet kien ilhom għaddejjin għal xhur sħaħ, iżda d-deċiżjoni li jingħaqdu f’partit ġiet wara laqgħa tal-eżekuttiv tal-partiti fil-25 ta’ Settembru li għadda.

Intant, fiż-żmien li ġej se jkunu qed inaqqxu d-dettalji ta’ dan il-moviment ġdid u joħorġu b’isem għalih.

L-Alternattiva Demokratika organizzat kommemorazzjoni b’tifkira tal-memorja ta’ Karin Grech, li nqatlet bħal-lum 42 sena ilu. Għal din il-kommemorazzjoni, il-partit stieden lill-Partit Demokratiku u dan aċċetta.