L-AD u l-PD jingħaqdu f’partit wieħed

Il-Partit Demokratiku u l-Alternattiva Demokratika formalment ingħaqdu f’partit wieħed li jismu AD/PD.

Dan tħabbar ilbieraħ fi stqarrija maħruġa mill-partit il-ġdid, li fiha ġie spjegat li dan il-ftehim huwa l-qofol ta’ xhur ta’ diskussjoni u ta’ azzjoni politika konġunta bejn l-AD u l-PD.

Fil-qalba ta’ klima nazzjonali diviżiva, il-partit qal li jirrikonoxxi l-bżonn tal-pajjiż għal azzjoni politika għall-ġid taċ-ċittadini kollha, lil hinn mill-gwadann politiku ta’ wħud.

Il-proċess biex il-partiti jingħaqdu għandu jiġi finalizzat fil-ġimgħat li ġejjin. Se jiġi nominat Eżekuttiv ġdid fl-ewwel laqgħa ġenerali annwali li se ssir ix-xahar id-dieħel.