L-AD u l-PD isejħu għal inkjesta pubblika dwar il-kriminalità organizzata

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku sejħu għal inkjesta pubblika dwar il-kriminalità organizzata.

Fi stqarrija ż-żewġ partiti ż-żgħar qalu li hemm suspett ta’ indħil tal-kriminalità organizzata f’elementi importanti tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista. Qal li jidher li din hija l-unika spjegazzjoni li fadal għaliex iż-żewġ partiti u l-awtoritajiet tal-istat qed iħarsu n-naħa l-oħra.

L-AD u l-PD sejħu għal inkjesta pubblika dwar x’azzjoni ttieħdet s’issa biex jiġu esposti r-rabtiet kriminali mal-pulizija u biex jinstab għalfejn ma ttiħditx aktar azzjoni konkreta.

 L-AD u l-PD irreferew għal rapport li deher fit-Times dwar aġent Malti tas-shipping li jidher li huwa involut f’ċirku ta’ traffikar tad-droga multi-miljunarju li ntlaqat minn sanzjonijiet internazzjonali l-ġimgħa li għaddiet. Hemm suspett li t-traffikar kien qed isir ftit ‘il barra mill-kosta Maltija.

L-AD u l-PD iddeskrivew ir-rapport bħala allarmanti u qalu li jsemmi possibilità ta’ kollużjoni bejn il-kriminalità u l-Pulizija Maltija. Qalu li jekk dan huwa minnu jkun sinjal li l-istituzzjonijiet ikunu ġew infiltrati faċilment.

Iż-żewġ partiti staqsew jekk il-PL u l-PN hux qed jippermettu li ssir il-kriminalità internazzjonali bl-inazzjoni tagħhom.