L-AD turi tħassib fuq “attakki fuq ODZ u nħawi protetti”

Alternattiva Demokratika, waqt l-ewwel laqgħa mal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, qalet li l-poplu Malti hu mħasseb dwar l-attakki fuq inħawi barra ż-żoni ta’ żvilupp u nħawi protetti fl-ibħra, li qed jiġu ppreżentati mill-Gvern, li xogħlu hu li jħares il-partijiet sensittivi tal-pajjiż minflok jeqridhom.
Irrimarkat ukoll li bħalissa Malta għandha 30% tal-bini tagħha li hu vojt u ħeġġet lill-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi biex tikkonċentra fuq il-ħtieġa ta’ restawr ta’ dan il-bini minflok ikompli jittiekel iktar spazji miftuħa. 
AD appellat biex jiġi indirizzat dak li sejħet bħala “defiċit ambjentali” u żvilupp bla rażan biex il-kwalità tal-ħajja tkun aħjar għal kulħadd.
L-iżviluppaturi, min-naħa tagħhom, sostnew li l-ambjent hu għal qalbhom imma jqisu wkoll li mingħajr żvilupp, il-pajjiż ibati għax l-industrija tal-bini, l-iżvilupp, il-propjetà u ż-żamma tagħha huma l-mutur ewlieni tal-kummerċ f’Malta.
L-MDA qalet li hi miftuħa għal suġġerimenti dwar kif jista’ jsir ippjanar aħjar, kif l-iżvilupp u l-ambjent jiżżewġu, għall-benefiċċju ta’ kulħadd fuq medda ta’ żmien.