L-AD trid temenda l-Kostituzzjoni minħabba l-Kunsilli

L-Alternattiva Demokratika preżentat numru ta’ proposti dwar il-Kunsilli Lokali fosthom emenda kostituzzjonali li tpoġġi l-prinċipju tas-sussidjarjetà bħala linja gwida kostituzzjonali.

Fi stqarrija l-AD saħqet li tmien proposti tagħha huma bbażati fuq il-prinċipju li jonqos lir-rwol tal-istat filwaqt li tiġi kkoraġuta iktar l-awtonomija lokali u reġjonali.

Iċ-Ċerpersin tal-AD Carmel Cacopardo spjega dwar l-importanza lid-deċiżjonijiet kemm jista’ jkun jittieħdu fil-komunitajiet effettwati. Cacopardo saħaq dwar il-bżonn li tinbet kultura ġdida fl-amministrazzjoni pubblika li tħaddan dan il-prinċipju.

Il-Proposti għall-Kunsilli Lokali

It-tmien proposti ta’ AD huma dawn:

  • Hemm bżonn impenn ikbar mill-Gvern biex permezz tad-dipartimenti, aġenziji u awtoritajiet imwaqqfa b’liġi l-kunsilli lokali jkunu kkonsultati u involuti minn kmieni f’dak kollu li jikkonċerna lil-lokalitajiet.
  • Il-prinċipju tas-sussidjarjetá għandu jingħata għarfien kostituzzjonali bħala linja gwida għall-amministrazzjoni pubblika ta’ pajjiżna.
  • Tkun inkoraġġita l-kolleġjalita’ u dan billi ir-rwol ta’ kull kunsillier ikun apprezzat iktar mhux biss bl-assenjazzjoni obbligatorja ta’ responsabbiltajiet lil kull Kunsillier imma ukoll billi l-għoti ta’ onorarju raġjonevoli ma jsirx biss lis-Sindku imma ukoll kemm lill-Viċi Sindku kif ukoll lill-kunsilliera kollha.
  • Il-Kumitati Amministrattivi m’għandhomx ikunu aboliti imma l-poter biex ikun hemm tali Kumitati Amministrattivi għandu jgħaddi direttament f’idejn il-Kunsilli Lokali infushom li jiddeċiedu huma fejn, jekk u meta dawn għandhomx ikunu kostitwiti.
  • Kull fejn hu possibli għandha tkun diċentralizzata l-amministrazzjoni pubblika tal-pajjiż u dan a bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
  • It-tmexxija kollha tal-Kunsill Reġjonali għandha tkun waħda demokratika u dan billi kemm il-President kif ukoll il-membri tal-Kunsill Reġjonali jkunu soġġetti għall-vot popolari. L-ebda wieħed / waħda mill-politiċi reġjonali ma jkun full-time.
  • Il-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw rwol deċiżiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar proġetti maġġuri.
  • Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jkun applikat għall-ħarsien tal-ambjent (inkluż l-ippjanar għall-użu tal-art). L-awtoritajiet ċentrali jżommu r-rwol ta’ regolatur u l-funzjoni operativa tgħaddi f’idejn il-Gvernijiet Reġjonali.