L-AD trid sistema nazzjonali ta’ toroq għar-roti tad-dawl

L-Alternattiva Demokratika (AD) tisħaq li għandu jkun hemm sistema nazzjonali ta’ toroq tul il-bypasses kollha ta’ Malta għar-roti, kemm dawk manwali kif ukoll dawk tad-dawl.
Dan qalu l-kelliem tal-AD, Ralph Cassar, waqt żjara fl-istabbilment ta’ Magri Cycles tal-Mosta, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem.
Iċ-Ċerpersin tal-AD, Arnold Cassola, qal li ekonomija sostenibbli u xogħol dinjituż jiddependu minn kumpaniji żgħar, kumpaniji marbuta sfiq mal-komunità lokali, bħalma hu l-istabbilment tar-roti li l-AD żaret.
Il-Ħodor f’Malta, tgħid l-istqarrija, jemmnu li l-Gvern għandu jinċentiva u jinvesti fl-infrastruttura sabiex il-pajjiż ikollu aċċess għal mezzi ta’ trasport aktar nadif. L-argument hu li b’hekk l-intrapriżi ż-żgħar jieħdu spinta ’l quddiem u jinħoloq xogħol ta’ kwalità bis-saħħa tagħhom.
Cassola kompla billi semma l-Malta Zero Carbon 2050, proposta tal-AD stess li tara lill-pajjiż jinħeles għalkollox mill-użu ta’ fjuwils li jniġġsu sal-2050, bħad-diżil u l-petrol.
Cassar seddaq dak li qal iċ-Ċerpersin, meta qal li m’għandux ikun hemm xkiel burokratiku bħal reġistrazzjonijiet sabiex wieħed juża r-roti tad-dawl. Temm jgħid li investiment f’dawn il-mezzi jqum ħafna inqas minn oħrajn għall-karozzi u flyovers.