​L-AD trid is-saqaf fi Triq Reġjonali

L-Alternattiva Demokratika (AD) qalet li tinsab sodisfatta bil-proposta għal saqaf fuq Triq Reġjonali f’Santa Venera.
Fi stqarrija, l-AD qalet li tittama li s-saqaf isir malajr kemm jista’ jkun wara 30 sena ta’ stennija mir-residenti. Il-partit kompla jgħid li huwa sodisfatt li l-proposta tiegħu li saret numru ta’ snin ilu se tkun qed titwettaq.
Fl-istqarrija, l-AD qalet li tistenna li meta jitlesta s-saqaf dan jinbidel f'żona imħaddra u miftuħa. Skont il-partit, “dan huwa essenzjali għal belt bħal Santa Venera, fejn it-traffiku u t-tniġġis huma mferrxin sew u problema enormi. Apparti minn hekk, Santa Venera għandha nuqqas ta’ żoni miftuħa u mħaddra, u għalhekk din l-opportunità m’għandhiex tintilef.”
Il-kelliem ta' AD dwar it-Trasport u l-Infrastruttura Ralph Cassar qal li Malta għandha bżonn strateġija olistika għat-traffiku.
Parti minn Triq Reġjonali f’Santa Venera tista’ tiġi msaqqfa jekk jinstab li mhux se tħalli mpatt negattiv fuq iż-żona.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli qal li bħalissa beda l-proċess ta’ studju intesiv fuq iż-żona ta’ Triq Brighella.