​L-AD titlob investigazzjoni dwar il-pensjoni ta’ Eks MP Laburista

Iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo qal li se jitlob lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga “każ serju ta’ indħil politiku” b’rabta mal-pensjoni eks Membru Parlamentari Laburista Philip Sciberras.
Fi stqarrija, l-AD qalet li skont rapport fil-midja, Sciberras qed jingħata pensjoni privileġġata li ma jikkwalifikax għaliha.
Skont l-AD, fid-dawl tal-oġġezzjoni li kellu d-Dipartiment tat-Teżor fuq il-kwistjoni, "huwa ovvju li l-pressjoni saret mill-Gvern innifsu biex jingħata dan it-trattament preferenzjali u diskriminatorju."  AD qed tinsisti li dan l-atteġġjament tal-Gvern qed joħloq pensjonanti tat-tieni klassi li ma jsibux lill-Gvern jaqbeż għalihom peress li mhumiex tal-qalba.
L-istqarrija ttem tgħid li għada Cacopardo se jagħmel talba formali lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga “dan il-każ serju ta’ indħil politiku, illegalita` u diskriminazzjoni sfaċċata.”
Sciberras huwa wkoll eks Imħallef.