L-AD tipprotesta kontra żvilupp ta’ 3 sulari propost fil-Mosta

L-Alternattiva Demokratika pprotestat kontra żvilupp propost fil-periferija tal-Mosta, li l-Perit Carmel Cacopardo daħħal oġġezzjoni formali kontrih. Waqt konferenza stampa fil-periferija tal-Mosta, ħdejn it-Torri Cumbo, l-Alternattiva Demokratika semmgħet leħinha dwar il-qerda tar-raba’ mill-ispekulaturi.

Il-proposta hija għal żvilupp ta’ 3 sulari u semi-basement b’bili għoli 17-il metru u nofs. L-art hi mqassma f’numru ta’ plots individwali ta’ qisien differenti. L-AD qal li kieku tinbena, din l-art iżżid ma’ numru ta’ propjetajiet vojta li diġà hemm.

Cacopardo qal li huwa oġġezzjona għax din l-applikazzjoni diġà ġiet ippreżentata u kienet irrifjutata mill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità, u fl-applikazzjoni t’issa ma sarx tibdil. Qal ukoll li l-proposta ta’ żvilupp hi waħda intensiva b’wisq toroq u bi ftit spazji miftuħa, li l-proposta tinjora l-fatt li inevitabbilment se jkun hemm ħtieġa ta’ tkabbir taċ-ċimiterju, li t-Torri Cumbo huwa wirt kulturali li jeħtieġ protezzjoni b’mod partikolari b’żona protettiva madwaru u li l-proposta sottomessa għandha tkun akkumpanjata b’ġustifikazzjoni għala qed issir fil-forma attwali.

L-art li fiha hu propost l-iżvilupp għandha qies ta’ madwar 40,500 metru kwadru. Dwarha daħlet applikazzjoni għand l-Awtorità tal-Ippjanar, sentejn wara li applikazzjoni simili għall-istess post kienet ġiet irrifjutata. L-AD ikkummenta dwar il-fatt li fl-2006, il-Gvern Nazzjonalista kien iddeċieda li l-istess art tista’ tinbena, filwaqt li l-Oppożizzjoni Laburista dak iż-żmien kienet oġġezzjonat.