L-AD tipponta sebagħha lejn “iċ-cheap labour” fit-trasport pubbliku

Il-kelliem tal-Alternattiva Demokratika, Ralph Cassar, staqsa jekk il-Gvern hux kuntent bis-sitwazzjoni fi ħdan it-trasport pubbliku, u hux qed jaċċetta li l-ħaddiema jitħallsu bl-irħis.
L-AD qal dan meta semma kif it-trasport pubbliku qed jaħdem b’madwar 200 xufier inqas b’konsegwenza li n-nies qed isibu tal-linja mimlija.
Il-kundizzjonijiet offruti u l-pagi baxxi mhux jagħmluha faċli biex l-Malta Public Transport (MPT) issib xufiera lokali, argumenta Cassar.
Cassar osserva kif il-Gvern jikkontrolla l-kuntratt tal-MPT filwaqt li rrefera għall-fatt li dawn kienu qed jirrikorru għal sewwieqa mill-Pakistan.
Fi kliem l-AD dan juri li l-politika fit-trasport pubbliku hi waħda taċ-‘cheap labour’ u l-ħaddiema mhux ikunu stmati.
Cassar qajjem mistoqsijiet retoriċi jekk hux dan il-mod li ħaddiema ta’ servizz essenzjali f’ekonomija Ewropea b’saħħitha jiġu trattati.
Huwa sostna li l-MPT mhix tlaħħaq mad-domanda għat-trasport pubbliku peress li hemm nuqqas ta’ ħaddiema biex joperaw is-servizz.
In-nuqqas ġej mill-fatt li l-ħaddiema mhux stmati, il-pagi huma baxxi u l-kundizzjonijiet huma ħżiena, skontu.
Dawn it-tliet fatturi qed iwasslu biex ħaddiema lokali mhux jagħżlu t-trasport pubbliku bħala karriera.
L-AD kellha kliem iebes fil-konfront tal-Gvern u qalet li huwa għandu jiżgura li l-ħaddiema jingħataw kumpens ġust u kundizzjonijiet dinjitużi, filwaqt li x-xogħol fit-trasport pubbliku għandu jsir attraenti u daqstant dinjituż ukoll.
L-AD temmet tgħid li b’investiment serju fit-trasport pubbliku jkun hemm inqas konġestjoni fit-toroq u kwalità ta’ ħajja aħjar, mingħajr bżonn ta’ mini taħt il-baħar.