L-AD tilmenta dwar kultura ta’ mibegħda kontra l-barranin

Read in English.

Iċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo, waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Gżira, saħaq li f’Malta hemm bżonn ta’ passi immedjati kontra min ixerred il-mibgħeda. Cacopardo qal li f’Malta hawn kultura ta’ mibgħeda kontra l-barranin, partikolarment kontra dawk ta’ ġilda skura.

Cacopardo ddeskriva l-qtil ta’ immigrant mill-Kosta tal-Avorju bħala tebgħa fuq il-pajjiż kollu hekk kif dan il-qtil, skont Cacopardo, huwa kawża diretta ta’ din il-kultura. Min-naħa l-oħra Cacopardo saħaq li d-dibattitu dwar il-preżenza ta’ numru dejjem ikbar ta’ barranin fostna huwa ġustifikat minħabba l-impatt ta’ dawn fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin sforz id-domanda dejjem tikber għall-kiri ta’ residenzi li qed toħloq tbatija żejda għal min hu dipendenti mis-suq tal-kera.

Cacopardo sostna li l-AD se tibqa’ tinsisti fuq il-ħtieġa li l-pajjiżi kollha tal-UE jerfgħu flimkien ma’ Malta r-responsabbilità għall-isfida tal-immigrazzjoni. Filwaqt li saħaq li l-politika tal-UE għandha tibqa’ mibnija fuq is-solidarjetà mal-vulnerabbli ħeġġeġ lill-forzi tal-ordni jieħdu passi iebsa fil-konfront ta’ kull min ixerred il-mibgħeda.