L-AD tappoġġja lill-Gvern fil-kundanna tal-attakki fis-Sirja

Alternattiva Demokratika qalet li qed tappoġġja bis-sħiħ lill-Gvern Malti fil-kundanna tiegħu tal-attakki kimiċi fuq nies ċivili fis-Sirja. 

Fi stqarrija, iċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika, il-Prof. Arnold Cassola qal li huwa importanti li l-komunità internazzjonali tasal għall-pożizzjoni unitarja dwar ir-reġim ta’ Assad.

Żied jgħid li ċ-Ċina u r-Russja għandhom jieqfu milli jkomplu jimminaw kull progress dwar din il-kwistjoni.

Cassola qal li sena dawn iż-żewġ pajjiżi kienu qed jimblukkaw kull possibiltà ta’ ftehim internazzjonali. Spjega kif illum 100,000 mewt wara, għadhom imwaħħlin fl-istess pożizzjoni.

Saħaq li wieħed ma jistax joqgħod jilgħab bil-ħajja tan-nies, iżda kull intervent fis-Sirja jista’ u għandu jitwettaq biss b’mandat tal-Ġnus Magħquda.