L-AD issostni li l-prekarjat għadu persisteni f’numru ta’ setturi

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola sostna li għalkemm il-Gvern qed jieħu inizjattivi biex jiġġieled ix-xogħol prekarju, l-inugwaljanzi u l-inġustizzji għandhom persisteni f'numru ta' setturi.
Cassola qal li għad hawn kuntratti, fis-setturi tat-tindif, is-sigurta' u klerikali fejn ħaddiema jaqilgħu inqas minn €5 fis-siegħa għax-xogħol li jagħmlu.
Dan meta ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol ma kumpaniji privati jaqilgħu €15 fis-siegħa.
Arnold Cassola qal li l-Alternattiva qed tistenna li tittieħed azzjoni konkreta biex din l-inġustizzja tispiċċa.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Alternattiva għall-Industrija Ralph Cassar sostna li hemm numru ta' każi li juru kif qed ikun hemm diskrepanza qawwija fil-pagi bejn is-settur privat u l-kumpaniji li jingħataw il-kuntratti fl-iskejjel u Mater Dei fost l-oħrajn.
Qal li qed jiġi rrappurtat kif il-ħaddiema fil-Korporazzjoni Enemalta qed jiġu sfurzat jaċċettaw kuntratti inferjuri, b'kundizzjonijiet tax-xogħol differenti mal-kumpanija Ċiniża.
Cassola u Cassar qalu li l-Parlament Ewropew għandu rwol effettiv kontra l-prekarjat bi programmi soċjali u favur kwalità u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema.