L-AD imħassba dwar inċidenti f’siti tal-kostruzzjoni; “l-impjegati jiġu qabel il-profitt”

L-Alternattiva Demokratika qalet li tinsab imħassba bil-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom ċerti ħaddiema, partikolarment bil-ħafna inċidenti li qegħdin jiġu f’siti tal-kostruzzjoni. Iċ-Chairman tal-partit, Carmel Cacopardo, qal li f’ekonomija b’saħħitha, l-impjegati jiġu qabel il-profitt.

Dan qalu f’laqgħa tal-AD mat-tmexxija tal-General Workers’ Union, li fiha l-AD ddiskutiet il-Manifest Elettorali għall-elezzjonijiet ta’ Mejju, b’enfasi fuq ix-xogħol u l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema.

Carmel Cacopardo, li qiegħed jikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, qal li, “L-enfasi fuq tkabbir ekonomiku li hu dipendenti fuq industrija tal-kostruzzjoni bla rażan qed toħloq xenarju li xejn ma hu sostenibbli b’sogru ta’ prekarjetà.” Skontu, dawn l-inċidenti mhumiex sinjal ta’ impjieg ta’ kwalità u wisq inqas ta’ ekonomija b’saħħitha. Huwa qal li jaqbel li Malta timxi lejn ekonomija ħadra.

Mina Tolu, ukoll kandidata għall-Parlament Ewropew, qalet li l-ekonomija Maltija hi dipendenti fuq ħaddiema b’iktar minn impjieg wieħed, żgħażagħ li jagħmlu xogħol ta’ interns bla ħlas, immigranti li jagħmlu xogħol manwali bi ħlas miżeru u nisa li jagħmlu xogħol li ma jidhirx u ma jitħallasx fid-dar u mal-familja. Hi argumentat li jeħtieġ li dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati.