L-AD bi kritika għall-konċessjonijiet fis-settur turistiku

Alternattiva Demokratika qed tikkritika l-konċessjonijiet li qed jingħataw fl-industrija tat-turiżmu.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-aħħar jiem, iċ-Ċermen tal-AD Carmel Cacopardo għamel żewġ osservazzjonijiet.
Huwa osserva li l-konċessjonijiet qed jintużaw għall-ispekulazzjoni bid-diversi torrijiet residenzjali ppjanati madwar il-bajja ta’ San Ġorġ. Ġab eżempju bl-Istitut għall-Istudji Turistiċi u qal li diġà qed jiġu negozjati bil-miljuni meta għadu bilkemm beda l-proċess regolatorju.
Cacopardo tkellem ukoll dwar l-impatt kumulattiv enormi fuq it-toroq, fuq ir-residenti li joqogħdu fl-inħawi fuq l-aċċess għall-kosta.
Sostna li din hi opportunità tad-deheb biex il-Gvern japplika l-liġi ta’ dominju pubbliku fuq partijiet tal-kosta li għadhom mhux żviluppati.
Tkellmet ukoll Danika Formosa li hi l-kelliema tal-AD għat-Turiżmu u l-Ambjent Marittimu. Hi sostniet li l-AD mhux konvint li kollox miexi sew minħabba li l-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-art fejn hemm il-bini tal-ITS huwa biss il-minimu li hu stabbilit mil-liġi.
Saħqet li anki jekk il-Master Plan ġie skartat, hemm total ta’ ħames proġetti massiċċi mal-kosta.