​L-aċċessibilità għadha problema għalina – CRPD

Numru kbir ta’ persuni b’diżabilità m’għandhomx il-faċilità li jużaw trasport aċċessibbli għalihom skont il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD).
Fi stqarrija fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għall-Għixien Indipendenti, is-CRPD qalet li ħafna persuni b’diżabilità jiddependu fuq ħaddieħor. Qalet li huwa importanti li persuna tgawdi mil-libertà li tmur minn post għall-ieħor. Skont il-Kummissjoni dan mhux possibbli għal numru ta’ persuni minħabba n-numru żgħir ta’ mezzi ta’ trasport li huma adattati għall-persuni b’diżabilità, speċjalment dawk li jużaw siġġu tar-roti.
Għalkemm jeżistu skemi ta’ sussidju fuq trasport, il-prezzijiet tal-kirjiet ta’ vannijiet b’rampa huma għoljin.
Skont is-CRPD, fl-aħħar baġit saret skema biex dawk li għandhom taxi li jagħmluha aktar aċċessibbli jibbenefikaw minn €10,000. Qalet li “sfortunatament, din l-iskema ma jidhirx li kienet popolari, bir-riżultat li s-suq baqa’ żgħir u l-prezzijiet għoljin.”