L-aċċessibilità fil-vapur Nikolaos diskussa fil-Parlament

L-aċċessibilità fuq il-vapur li ġie mikri mill-Gozo Channel, l-MV Nikolaos, ġiet diskussa fil-Parlament waqt il-ħin tal-mistoqsijiet supplimentari.

Deputati tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista u l-Ministru għall-Għawdex Justyne Caruana kellhom battibekk dwar l-aċċessibiltà minħabba li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Maria Deguara għamlet osservazzjoni li r-raba’ vapur m’għandux lift għal persuni b’diżabilitá biex jitiligħu fil-livelli ta’ fuq.

Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-vapur Nikolaos li qed jinkera b’mod temporanju mill-Gozo Channel għandu stair lift imma mhux lift.

AQRA: Stair lift minflok lift fuq in-Nikolaos – CRPD

Il-Ministru Caruana qalet li l-vjaġġ jieħu 11-il minuta u allura jkun aktar għaqli li l-persuni b’diżabilitá joqgħodu fil-garaxx tal-karrozzi. Hija qalet li anki fil-każijiet tal-vapuri l-oħra fejn hemm aċċess b’lift, il-persuni li jieħdu ħsieb il-persuni b’diżabilitá kienu jħalluhom fil-karrozza.

Hawnhekk intervjena d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami fejn qal li l-Ministru kienet qed tissuġerixxi li l-persuni b’diżabbilità għandhom jitħajjew fil-karrozza mitfija bla air-conditioner.

Il-Ministru saħqet li dan il-vapur hu temporanju għal sitt xhur u spjegat li l-Gvern għamel priority lane għal persuni b’diżabilitá fil-kjuijiet taż-żewġ terminals. Fenech Adami saħaq li dak li qed tgħid il-Ministru jista’ jkollu implikazzjonijiet legali.

“Issa qed taħarek qalbek għal persuni b’diżabilitá? Il-Gvern tiegħek għamel vapuri tailor-made u portijiet magħmula għal dawn il-vapuri mingħajr ma qatt ħaseb għall-fatt li dawn il-vapuri xi darba għad iridu jinbidlu,” qalet Caruana. Hija ddefendiet l-għażla tar-raba’ vapur u qalet li dan “ma kienx eżerċizzju ta’ kafkaf”.

“Konna ilna xhur twal naraw ir-reġistri ta’ vapuri fuq livell internazzjonali u issa qed nirċievu ċertu interess mis-suq marittmu internazzjonali hekk kif it-tender jinsab fil-proċess li jiġi ppubblikat,” sostniet Caruana.

Appellat biex ir-raba’ vapur ma ssirx politiċizzata għax hi kwistjoni ta’ bżonn għall-Għawdxin.

Ritratti: Charmaine Attard