Aġġornata: Il-kumitat tal-festa b’soluzzjoni temporanja

Facebook - Kumitat Festa Sant'Elena

Wara li l-armar b’rabta mal-Festa ta’ Santa Elena kien qed jimblokka l-aċċess għal bankina fejn ATM, il-kumitat tal-armar qal li “nstabet soluzzjoni proviżorja”.

L-armar b’rabta mal-Festa ta’ Santa Elena qed jimblokka l-aċċess għal bankina fejn ATM skont il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) li qalet li “d-dritt għall-aċċess hekk kif stipulat fil-liġijiet Maltin ma jistax jiġi sospiż għal ġimgħa b’rispett lejn anġlu tal-kartapesta”.

Fi stqarrija, is-CRPD qalet li ġiet infurmata li fi Triq is-Santwarju, f’Birkirkara biswit il-Bażilika ta’ Santa Elena ġie armat anġlu fuq kolonna eżatt quddiem rampa li toffri aċċess għall-bankina u għal ATM. Skont il-Kummissjoni sar kuntatt mal-membri tal-kleru responsabbli mill-festa li allegatament irreżistew kull tibdil li seta’ jwassal għal soluzzjoni li tirrispetta d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità. Il-Kummissjoni tinsab iddispjaċuta bin-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

Facebook – Caroline Camilleri

Aktar tard matul il-ġurnata fuq il-paġna fuq Facebook Kumitat Festa Sant’Elena, intqal li nstabet “soluzzjoni proviżjorja”.

Instabet soluzjoni proviżorja biex persuni b'disabilita' jkunu jistgħu jitilgħu l-bankina eżatt quddiem l-ATM. ( Barra din hemm rampa oħra iktar l-isfel f'tarf il-bankina) fi Triq is-Santwarju.

Posted by Kumitat Festa Sant'Elena on Tuesday, August 14, 2018

Fi kliem is-CRPD, “l-unika konċessjoni offruta kienet dik li l-armar partikolari ikun l-ewwel wieħed li jitneħħa l-għada tal-festa, xi ħaġa li s-CRPD ma tistax taċċettha, għar-raġuni li d-dritt għall-aċċess hekk kif stipulat fil-liġijiet Maltin ma jistax jiġi sospiż għal ġimgħa b’rispett lejn anġlu tal-kartapesta.”

Is-CRPD qalet li għamlet rapport l-Għassa ta’ Birkirkara u ntalbet azzjoni immedjata sabiex titranġa s-sitwazzjoni. Madanakollu, kelliem għall-Pulizija qal ma’ Newsbook.com.mt li ma sarux rapporti dwar dan il-każ bejn ilbieraħ u llum.

Newsbook.com.mt ipprova jagħmel kuntatt mal-persuna inkarigata li tieħu ħsieb l-armar mingħajr suċċess.

Mara li tieħu ħsieb grupp fuq Facebook ta’ sapport għal ġenituri bit-tfal b’abilitajiet differenti qalet ma’ Newsbook.com.mt li għamlet diversi rapporti, kemm mal-Pulizija kif ukoll mal-Kunsill. Spjegat li l-mod kif sar l-armar huwa sinjal ta’ diżrispett għal persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn jagħmlu użu minn din il-bankina. Irrimarkat li minkejja li ntqal li se tittieħed azzjoni, jidher li baqa’ ma sar xejn.