L-aċċess għat-tfal b’superviżjoni se jkun qed isir b’mod awdjoviżiv

Il-Ministeru għall-Familja ħabbar li l-Qorti tal-Familja tat digrirt sabiex ikun jista jsir l-aċċess tat-tfal b’superviżjoni b’mezzi awdjoviżivi.

Dan ħabbru l-Ministru Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu. Intant, fi stqarrija l-Ministeru spjega li ressaq riskors quddiem il-Qorti tal-Familja, ippreseduta mill-Imħallef Anthony Vella, fejn il-Qorti ntalbet tagħti digriet dwar l-aċċess għall-minuri b’superviżjoni, liema aċċess kien ġie sospiż minħabba l-coronavirus, sabiex dan jibda jsir b’mod diġitali.  

Ġie spjegat li l-Qorti laqgħet it-talba tal-ministeru u b’effett immedjat, issa kull ġenitur li għandu dritt ta’ aċċess b’superviżjoni minn Aġenzija Appoġġ, tali aċċess se jibda jsir permezz ta’ mezzi awdjoviżivi. 

Intant, Aġenzija Appoġġ għandha l-infrastruttura lesta biex dan l-aċċess elettroniku jibda jingħata b’mod immedjat fil-preżenza u taħt il-kontroll tas-supervisors tagħha. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn