“L-abort u l-ewtanasja huma dejjem ħżiena”- Isqfijiet Amerikani

L-abort u l-ewtanasja – jew suwiċidju assistit – kif qed tissejjaħ, huma dejjem ħżiena u kundanabbli. Din id-dikjarazzjoni reġgħu ħassew il-bżonn li jagħmluha l-Isqfijiet Kattoliċi fl-istat ta’ New Mexico, fl-Amerika fejn bħalissa qed tkun diskussa liġi li tipprojbixxi l-abort wara 20 ġimgħa ta’ tqala.
Waqt li kienet qed tkun diskussa din il-liġi, numru ta’ deputati li qalu li huma Kattoliċi, tkellmu kontra l-abbozz u dan wassal lill-Isqfijiet biex joħorġu d-dikjarazzjoni tagħhom li fiha sostnew li l-kummenti ta’ xi leġislaturi favur l-abort u l-ewtanasja ma jirrappreżentawx it-tagħlim tal-knisja u jistgħu jikkonfondu lill-Kattoliċi.
L-isqfijiet qalu li mhux floku li persuni eletti jinvokaw il-fidi kattolika tagħhom u jippreżentaw l-opinjonijiet personali tagħhom bħallikieku kien tagħlim uffiċjali tal-Knisja. Din hi misinterpretazzjoni tat-tagħlim tal-Knisja u hi skandlu pubbliku għall-insara u tbiegħed lil min jagħmilha mill-fidi kattolika.
Il-Knisja Kattolika taħdem biex tgħolli d-dinjita’ tal-persuna umana mill-konċepiment sal-mewt naturali u tinkoraġixxi lil kull individwu biex jgħix u jipproklama l-fidi tiegħu.
Filwaqt li l-Knisja Kattolika qed tappoġġja l-liġi li tipprojbixxi l-abort wara 20 ġimgħa tqala, waqt id-dibattitu, il-membru tal-Partit Demokratiku Patricia Caballero iddeskriviet it-trobbija Kattolika tagħha u stqarret li kienet il-fidi li wasslitha biex tivvota kontra l-liġi għax sostniet li r-reliġjon kattolika tgħallem li l-mara u r-raġel għandhom id-dritt jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom skont kif tiddettalhom il-kuxjenza.
Deputat ieħor li ddeskriva lilu nnifsu bħala Kattoliku prattikanti ressaq liġi quddiem is-Senat li tneħħi l-eżenzjonijiet reliġjużi fejn jidħol l-abort filwaqt li qed jappoġġja liġi oħra li trid iddaħħal is-suwiċidju assistit minn tabib – l-ewtanasja.  Sal-lum hu delitt li tabib jgħin biex tintemm ħajja ta’ persuna b’marda terminali. F’Ġunju li għadda l-Qorti Suprema Amerikana ċaħdet talba biex din il-liġi tinbidel.
L-Isqfijiet seħqu li l-appoġġ għall-abort u l-ewtanasja mhux skont it-tagħlim tal-Knisja għax dawn huma tneħħija tal-ħajja u dan hu dejjem xi ħaġa ħażina. Il-ħajja umana hi dejjem sagra u għandha tkun protetta dejjem.
Huma kkwotaw lill-Papa Franġisku jgħid li “Anke l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, il-morda, l-anzjani, il-fqar, dawk li għadhom ma tweldux, huma kapulavuri tal-ħolqien ta’ Alla, magħmula fuq xbiha Tiegħu u huma destinati li jgħixu għal dejjem u jixirqilhom l-akbar rispett”. Sostnew li moralment mhux permissibbli li Kattoliku jappoġġja l-abort jew is-suwiċidju assistit minn tabib.