L-abort se jsir legali fl-Irlanda? Stħarriġ jgħid li iva

Nun vote

Stħarriġ li sar mal-votanti huma u ħerġin mill-kmamar tal-votazzjoni fl-Irlanda sab li r-referendum se jwassal sabiex jitneħħew mill-liġi r-restrizzjonijiet minn fuq l-abort b’distakk enormi.
Dan ħareġ propju ftit tas-sigħat qabel il-bidu tal-għadd tal-voti fit-8am llum.
L-Irlanda huwa magħruf bħala wieħed mill-aktar pajjiżi li jħaddan valuri favur il-ħajja fl-Ewropa.
Skont l-istħarriġ tal-Irish Times, qed jingħad li 68% ivvutaw favur l-abort, filwaqt li 32% vvutaw kontra. Stħarriġ ieħor minn RTE qal li d-distakk se jkun 69% favur u 31% kontra.
Jekk l-għadd tal-voti jikkonferma dak li qed jgħid l-istħarriġ, l-Irlanda tkompli għaddejja bit-tibdiliet tagħha f’pajjiż essenzjalment Kristjan.
Ir-referendum talab lill-poplu Irlandiż sabiex jiddeċiedi jekk jixtieqx li titneħħa l-projbizzjoni tal-abort mill-kostituzzjoni li daħlet fis-seħħ 35 sena ilu, u li partijiet minnha kienu ġew irranġati fl-2013 sabiex jippermettu abort meta ħajjet l-omm tkun fil-periklu.
Id-divorzju fil-pajjiż kien ġie legalizzat fl-1995, filwaqt li tliet snin ilu kien l-ewwel pajjiż fid-dinja li legalizza ż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess permezz ta’ vot.
Ritratt:Reuters