L-Arċisqof iwieġeb lis-sieħeb ta’ Pete Buttigieg fuq l-abort

Persuni Favur il-Ħajja jieħdu sehem f’velja barra ċ-ċentru mediku tal-Università ta’ Nassau. F’Jannar li għadda

Hekk kif fl-Istati Uniti bdew il-kampanji elettorali għall-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Novembru li ġej, il-Partit Demokratiku beda b’dawk li jissejħu elezzjonijiet primarji biex jingħażel il-kandidat presidenzjali li finalment irid iħabbatha mal-kandidat tal-Partit Repubblikan.

Dawk fil-Partit Demokratiku li huma favur il-ħajja bħalissa qed jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom fil-partit u kif se jipparteċipaw f’dan il-proċess biex ikun nominat il-kandidat Demokratiku.

Fl-aħħar ġimagħtejn kien hemm dibattitu sħiħ li beda meta l-kandidat Pete Buttigieg, li hu ta’ nisel Malti, qal lid-Direttur Eżekuttiv tad-Demokratiċi Favur il-Ħajja li ma jkunx lest li jibdel il-pożizzjoni tal-partit u jieħu pożizzjoni aktar moderata dwar id-dritt tal-abort.

“Jien Demokratika Favur il-Ħajja u kburija,” weġbitu Kristen Day waqt dibattitu qabel l-elezzjonijiet fl-Istat ta’ Iowa. “Int tridu l-appoġġ tad-Demokratiċi Favur il-Ħajja? Aħna qegħdin xi 21 miljun u jekk trid il-vot tagħna lest li tadotta pożizzjoni aktar moderata tal-partit dwar l-abort biex tassigura li l-Partit Demokratiku hu partit tad-diversità u inklużjoni u jilqa’ lil kulħadd?”

Min-naħa tiegħu Buttigieg wieġeb li “l-aktar li nista’ noffri hu li ma nistgħux naqblu fejn għandna niġbdu l-linja u allura nistgħu naqblu dwar min għandu jiġbed il-linja u jieħu d-deċiżjoni u fil-fehma tiegħi għandha tkun il-mara li tiddeċiedi.”

L-Arċisqof Scicluna

Is-sieħeb ta’ Pete Buttgieg kiteb fuq Twitter li, “Jien nixtieq nara futur fejn kull tarbija tkun aċċettata kif inhi u tkun megħjuna tikber fil-pesuna li hi maħsuba li tkun.”

Din il-pożizzjoni tar-raġel ta’ Buttigieg ġibdet l-attenzjoni tal-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna li fuq Twitter, b’risposta għal din il-pożizzjoni, qallu: “Tajjeb. U futur fejn kull tarbija mhux mitwielda jkollha d-drittijiet tagħha li tgħix, tikber fil-persuna li hi maħsuba li tkun, rikonoxxuta.”

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-kampanja tad-demokratiċi mxiet għal New Hampshire fejn is-Senatur Bernie Sanders, rivali ta’ Buttigieg, kien aktar espliċitu fiċ-ċaħda tiegħu għad-Demokratiċi Favur il-Ħajja. Meta mistoqsi jekk fil-Partit Demokratiku hemmx post għal min hu Favur il-Ħajja, wieġeb li “Naħseb illi li tkun favur l-għażla hu assolutament meħtieġ biex tkun Demokratiku.”

It-tliet kandidati l-oħra li flimkien ma’ Buttigieg u Sanders qed jippruvaw jirbħu n-nominazzjoni tal-Partit Demokratiku, is-Senaturi Elizabeth Warren, Amy Kolbuchar u Joe Biden kollha jappoġġjaw id-drittijiet tal-abort.

Ottimiżmu kawt

Kolbuchar mistoqsija jekk fil-Partit Demokratiku hemmx post għal dawk li huma Favur il-Ħajja wieġbet fl-affermattiv u qalet li taqbel li n-numru ta’ aborti għandu jonqos. Hi insistiet li hi Favur l-Għażla ħafna iżda żiedet tgħid li “Aħna partit kbir u hemm Demokratiċi Favur il-Ħajja u dawn huma parti mill-partit tagħna. Jien naħseb li l-partit irid jikber u fiħ jidħlu aktar nies mhux inkeċċuhom.”

Hu evidenti li l-kwistjoni tal-abort qed tkun fattur importanti fl-elezzjonijiet primarji Amerikani u wieħed irid jara dan kollu fejn se jwassal.

Żgur li kien hemm xi ċaqliq. Wara dawn id-dikjarazzjonijiet Amy Kolbuchar żiedet l-appoġġ u fi New Hampshire ġiet it-tielet u kisbet 20% tal-vot demokratiku. Skont stħarriġ riċenti, 17% ta’ dawk li ddikjaraw li huma Demokratiċi jgħidu li l-abort għandu jkun illegali fiċ-ċirkostanzi kollha.

Il-fatt li Kolbuchar lesta tmur kontra dawk favur l-abort u tgħid li dawk li huma Favur il-Ħajja huma milqugħa fil-Partit Demokratiku, hi mossa fid-direzzjoni t-tajba kemm għaliha kif ukoll għall-partit.

Bħalissa d-Demokratiċi Favur il-Ħajja jidher li huma motivati ħafna. Wieħed però jrid jistenna l-elezzjonijiet primarji f’South Carolina li se ssir fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. In-nies tan-Nofsinhar aktarx huma aktar reliġjużi u n-nies reliġjużi huma aktar moderati fejn jidħol l-abort.