L-abort imur kontra l-ordni naturali mixtieqa minn Alla

Is-Senat taċ-Ċili approva abbozz ta’ liġi li permezz tagħha, fi tliet ċirkostanzi differenti, l-interruzzjoni volontarja tat-tqala ma tibqax titqies bħala illegali.
Dan ifisser li l-pajjiż se jkun qed jillegalizza l-abort.
L-Isqof ta’ Villarica, Mons Francisco Javier Stegmeier Schmidlin, qal li dan se jwassal biex tkun legalizzata wkoll l-ewtanasja. 
Dawn il-liġijiet li jmorru kontra l-ħajja umana u l-ordni naturali mixtieqa minn Alla u l-fidi kattolika kienu approvati bil-vot tal-partiti tax-xellug inkluż xi deputati demokristjani.
Hu staqsa x’se jagħmlu issa dawk li għandhom kultura favur il-ħajja u l-familja u kontra l-kultura tal-mewt.
Fi stqarrija maħruġa mill-Konferenza Episkopali taċ-Ċili huma jelenkaw seba’ azzjonijiet li għandhom jieħdu l-insara. 
L-ewwel u qabel kollox jitolbu 'l Alla biex jikkonvertu dawk li huma favur l-abort u biex titneħħa din il-liġi.
Jagħtu appoġġ lil dawk in-nisa li huma tqal.
Jistudjaw ir-raġunijiet bażiċi għaliex kull tarbija għandha dritt titwieled u l-effetti tal-abort fuq l-omm, il-familja u s-soċjetà.
Ikunu dejjem u kullimkien militant favur il-ħajja u għall-familja.
Jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Movimenti Favur il-Ħajja.
Jużaw il-kliem “tarbija” u “persuna” flok embrijun u fetu. 
Jivvutaw biss għal dawk il-kandidati li huma favur il-ħajja.
Il-Kumitat Permanenti tal-Isqfijiet Ċileni qal li dan l-abbozz ta’ liġi se jieħu l-pajjiż lura u joħloq diskriminazzjoni inġusta kontra persuni li  ma jistgħux jiddefendu ruħhom meta l-Istat suppost li jiggarantixxi dawn il-ħajjiet.
L-Isqfijiet qalu li din mhix ir-risposta għat-traġedja li għaddejjin minnha n-nisa fil-pajjiż: fiċ-Ċili issa se jkun hemm tfal li jibdew jitqiesu bħala “irmixk” kif il-Papa jsejjaħ lil dawk il-persuna kollha emarġinati mis-soċjetà jew li tqishom bħala “skomdi” għax ikunu kunsidrati bħala  persuni li ma jixirqilhomx jgħixu.
Filwaqt li wrew id-diżappunt tagħhom għal dawk il-parlamentari li vvutaw favur din il-liġi minkejja li wħud minnhom jgħidu li huma nsara, l-Isfijiet taċ-Ċili qalu li l-politiċi għandhom ikunu l-ewwel nies li għandhom jagħtu xiehda ta’ koerenza bejn il-konvinzjonijiet etiċi li jipproklamaw u l-ħatra politika tagħhom.
“Bħala Knisja aħna nirrispettaw il-poteri tal-Istat f’kuntest demokratiku. Aħna offrejna l-fehmiet tagħna fil-fora kollha kompetenti. Quddiem din it-traġedja umana, l-insara se jkomplu jipproklamaw l-imħabba infinita ta’ Alla li fil-qawmien ta’ Kristu Ibnu mill-mewt,  joffrilna biex nippromwovu l-ħajja umana u d-dinjità tagħha”, temmew jgħidu l-Isqfijiet Kattoliċi fid-dikjarazzjoni tagħhom.