L-abort imur kontra d-dritt tal-ħajja – konsulent

Maria Oswalt, Unsplash

Dr Karen Vincenti, konsulent tal-Mediċina għas-Saħħa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa saħqet li Malta ma taqbilx li d-dritt għas-servizzi għas-saħħa sesswali u riproduttiva jinkludu s-servizzi tal-abort. Sostniet li dan imur kontra d-dritt tal-ħajja li hija ferm aktar importanti. Hija sostniet li l-abort huwa illegali fil-każi kollha.

Dr Vincenti kienet qed titkellem ix-xahar li għadda f’Ġinevra, waqt laqgħa tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

Fir-rapport tar-rakkomandazzjonijiet, il-Kumitat irrimarka li filwaqt li jirrikonoxxi l-gwida, is-sapport u s-servizzi ta’ counselling għal bniet tqal, jinnota bi tħassib li l-abort jibqa’ reat bl-ebda eċċezzjoni, anke f’każi fejn il-ħajja jew is-saħħa tat-tifla tqila tkun f’riskju, jew fejn it-tqala tkun riżultat ta’ stupru jew inċest. Il-Kumitat irrakkommanda d-dekriminalizzazzjoni tal-abort fiċ-ċirkostanzi kollha u assigurazzjoni ta’ aċċess għal abort sigur u servizzi ta’ kura wara li jsir l-abort għal bniet adolexxenti.

Ara: L-abort għandu jkun legali f’Malta?

Kunfidenzjalità għat-testijiet kontra infezzjonijiet mis-sess

Dr Karen Vincenti rreferiet ukoll għall-klinika tal-Isptar Mater Dei li toffri servizz b’xejn u kunfidenzjali għal adolexxenti u żgħażagħ li jistgħu b’mod kunfidenzjali jagħmlu test għall-kura kontra infezzjonijiet li joriġinaw mis-sess.

Kompliet tispjega, li fil-klinika:

  • ma jintolbu l-ebda formoli ta’ riferiment
  • m’hemmx limitu tal-età
  • il-ġenituri u t-tobba tagħhom ma jiġux infurmati
  • ir-riżultati jitpoġġew separatament minn riżultati mediċi oħra
  • kull persuna tingħata kodiċi
  • l-appuntament jista’ jsir b’mod anonimu fuq it-telefown

Il-morning after pill u dawk taħt is-16-il sena

Dr Karen Vincenti semmiet li fl-2016, Malta illiċenzjat il-bejgħ tal-morning after pill, li hija disponibbli mill-ispiżeriji mingħajr preskrizzjoni. Fakkret kif il-parir tal-Awtorità tal-Mediċina lill-ispiżjara huwa li jirreferu għand tabib jew ġinekologu lil żgħażagħ taħt is-16-il sena, li jmorru biex jixtru l-pillola kontraċettiva.

Il-Kumitat hu magħmul minn 18-il membru li huma esperti indipendenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem minn madwar id-dinja, li jitkellmu fil-kapaċità personali tagħhom u mhux jirrappreżentaw lill-istat membru. L-osservazzjonijiet tal-Kumitat huma analiżi indipendenti.

Hawn tista’ ssib il-pożizzjoni uffiċjali li ħadet Malta dwar l-abort 

Aqra: Neskludi li l-Gvern Laburista jdaħħal l-abort – Kurt Farrugia

Aqra: Il-Kummissarju għat-Tfal għandha tipproteġi lit-tfal qabel it-twelid – Doctors for life