L-abort diskuss bejn il-Papa u Obama

L-abort u l-kontraċezzjoni kienu fost is-suġġetti diskussi fil-laqgħa tal-bieraħ bejn il-Papa Franġisku u l-President Amerikan Barack Obama.
F’din l-ewwel laqgħa bejn il-Papa u Obama fil-Vatikan li damet madwar siegħa, iż-żewġ mexxejja qablu dwar l-impenn tagħhom dwar il-faqar, l-immigrazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin.
Il-President Obama faħħar il-ħidma tal-Papa u qallu li huwa ammiratur kbir tiegħu.
Meta taw ir-rigali lil xulxin, Obama ppreżenta lill-Papa Franġisku varjetà ta’ żerriegħa ta’ frott u ħxejjex li jikbru fil-ġnien tal-White House. Obama stieden lill-Papa biex iżur dan il-ġnien.
Min-naħa tiegħu l-Papa ta lil Barack Obama żewġ medalji u kopja tal-Evangeli Gaudium, il-gwida għal Papat li kiteb hu stess.
Obama qallu li probabbli jaqrah meta jkollu frustrazzjoni kbira fl-Oval Office u li jinsab ċert li se jagħtih is-saħħa.
Wara l-laqgħa mal-Papa, Obama ltaqgħa mal-President Taljan Giorgio Napolitano u l-Prim Ministru Matteo Renzi.