Il-Gvern jinsisti li ‘l-abort bil-kunsens’ mhux se jiġi dekriminalizzat

Il-Partit Demokratiku qal li l-Gvern qed jipproponi liġi li permezz tagħha l-abort bil-kunsens tal-omm se jiġi dekriminalizzat u li t-tfal li għandhom ma twieldux mhux se jibqgħu kkunsidrati bħala membri tal-familja. L-istess jgħodd għall-isterilizzazjoni. Iżda, il-Ministru għall-Ugwaljanza, li se jressaq dan l-abbozz, ċaħad u qal li l-abort huwa illegali u dan l-abbozz mhux se jkun qed ibiddel dan.
Fi kliem il-PD, dan huwa inaċċettabli u li l-partijiet konċernati għandhom jassiguraw li l-abort ikun kriminalizzat anke f’każ li jkun hemm kunsens mill-omm. Skont il-Kodiċi Kriminali ta’ Malta, l-abort imur kontra l-liġi anke meta jkun hemm kunsens biex dan isir.
Dwar il-proposta li l-età ta’ kunsens sesswali tinżel minn 18 għal 16-il sena, il-PD qal li għal perjodu ta’ erba’ snin għandu jkun hemm interval sakemm il-kurrikulu tal-Personal, Social and Career Development (PSCD) jiġi aġġornat.
Il-PD saħaq li qed jipproponi li d-drittijiet ċivili ta’ vittmi ta’ stupru u l-wild tagħhom għandhom jiġu protetti. Dan filwaqt li l-persuna li jkun wettqet l-istupru jitwaqqafilha l-awtorità bħala ġenitur tal-wild.
Il-PD kompla jgħid li skont kif ippreżentat, l-Abbozz jipproponi li t-tfal li għadhom ma twieldux m’għandhomx jibqgħu jiġu kkunsidrati bħala parti mill-familja.
Fl-istqarrija, il-PD irrefera għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani li tisħaq li kulħadd għandu d-dritt għall-ħajja u d-dritt li jiġi rikonoxxut bħala “persuna” quddiem il-liġi. Skond il-PD qed jikser dawn id-drittijiet.
Il-Gvern jisħaq li f'Malta l-abort huwa illegali u l-abbozz mhux se jbiddel dan
Fi stqarrija b’reazzjoni, il-Ministeru għall-Ugwaljanza qal li minflok jibbaża l-argumenti tiegħu fuq il-fatti, il-Partit Demokratiku qed joqgħod fuq analiżi mhux korretta ta’ gruppi li skont l-istqarrija jmorru tajjeb miegħu.
Il-Ministeru saħaq li l-Konvenzjoni ta’ Instanbul dwar l-abort sfurzat u l-isterilizzazjoni (li għalih tagħmel referenza l-istqarrija tal-PD), ilu parti mil-liġi Maltija sa minn Ġunju tal-2014 iżda fakkar li f’Malta l-abort għadu illegali.
L-istqarrija tinsisti li l-abbozz mhux se jkun qed inbiddel dan iżda se jkun qed jipproteġi lill-vittmi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru.