L-abbużi tal-Kardinal Mc Carrick sinjal ta’ kriżi spiritwali profonda

L-Isqof Scharfenberger jara kriżi spiritwali profonda fil-Knisja

L-Isqof Edward B. Scharfenberger tad-Djoċesi ta’ Albany fl-Istati Uniti wkoll bagħat ittra lill-membri tal-kleru, saċerdoti, djakni u seminaristi wara r-riżenja tal-Kardinal McCarrick fuq allegazzjonijiet ta’ abbużi sesswali.

“Bħal Ġesù fil-Ġnien tal-Ġetsemani, ħafna mill-insara bħalissa qed iħossuhom traduti u abbandunati mill-mexxejja spiritwali tagħhom, speċjalment mill-Isqfijiet.  Forsi anke intom għandkom dan is-sentiment. Żgur li smajtu u se tkomplu tisimgħu min-nies dwar kemm huma skoraġġiti u mriegħxa dwar l-imġiba tal-mistħija minn Kardinal popolari u kariżmatiku ma’ saċerdoti u seminaristi fdati fil-kura tiegħu.

“F’termini negattivi u b’mod ċar u dirett kemm jista’ jkun, irrid nirrepeti t-tagħlim tal-Knisja: hu dnub gravi li tkun ‘sesswalment attiv’ barra miż-żwieġ.  Kardinal mhux eskluż minn dan kif ma hu meħlus ebda lajk u membru ieħor tal-kleru. Membru tal-kleru li jwiegħed li jgħix iċ-ċelibat irid jibqa’ kast fir-relazzjonijiet tiegħu ma kulħadd. Dan hu li tgħallimna l-fidi u li aħna marbuta li nimxu miegħu. Ma hemmx mod ieħor”.

“L-attività sesswali tinkludi wkoll is-seduzzjoni u  – it-tip ta’ esperjenza li wieħed minn ħutna tkellem dwarha f’intervista pubblika. Id-distruzzjoni piskoloġika u spiritwali ta’ din l-imġiba verament inċestuża minn raġel li hu meqjus bħala missier spiritwali, ma’ ibnu li hu fdat f’idejh – anke jekk mhux minuri – ma tista’ bl-ebda mod tkun minimizzata jew razzjonalizzata”.

“Abbuż tal-awtorità – f’dan il-każ bi sfumaturi sesswali qawwija – ma’ persuni vulnerabbli mhux anqas mistmerr minn abbuż sesswali ta’ minuri. Jien nemmen li l-maġġoranza kbira tal-kleru – saċerdoti, djakni u anke Isqfijiet – jgħixu u qed jitħabtu biex jgħixu ħajja qaddisa u ta’ min jammiraha. Jien nistħi minn dawk fost ħuti, bħal Kardinal Mc Carrick, li ma jgħixux b’dan il-mod”.

“Ħalli nkun ċar u niddikjara l-konvinzjoni ferma tiegħi li din, prinċipalment hi aktar minn kriżi fil-proċeduri u l-politika tal-Knisja. Nistgħu, u jien konvint li hekk se nagħmlu, insaħħu r-regoli u s-sanzjonijiet kontra  kull min jipprova jaħbi din l-imġiba mxajtna u distruttiva. Din mhix sfida legali imma kriżi spiritwali profonda”, qal l-Isqof Scharfenberger.