L-abbużi sesswali mill-kleru hu delitt kbir

Read in English.

Fil-ġranet tiegħu fil-Panama, barra mill-attivitajiet pubbliċi li hemm fil-programm uffiċjali, qed ikollu diversi laqgħat u okkażżjonijiet oħra li matulhom ma jieqafx jitkellem maż-żgħażagħ u jgħallem.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Vatican News bagħtet rapporti qosra dwar uħud minn dawn. Waħda minn dawn l-okkażżjonijiet ikla li nhar is-Sibt f’ nofsinhar kellu ma’ għaxar żgħażagħ li marru l-Panama biex jieħdu sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Waqt din l-ikla, tfajla Amerikana staqsiet lill-Papa Franġisku dwar il-kriżi tal-abbużi sesswali mill-kleru. Hi qalet li t-tweġiba tal-Papa kienet li “hu mportanti li nakkumpanjaw lill-vittmi tal-abbużi sesswali u li nimxu u nkunu preżenti għal dawn in-nies għax aħna Knisja magħquda”. Il-Papa qalilna li “dan hu delitt orribbli”.

Waqt din l-ikla kienet preżenti wkoll Brenda Noriega, Youth Minister mid-djoċesi ta’ San Bernardino f’California.  Wara l-ikla hi stqarret li “għalija, bħala rappreżentanta taż-żgħażagħ Amerikani u Youth Minister, din l-okkażżjoni tfisser ħafna. Irridu nżommu f’moħħna li l-vittmi kollha tal-abbużi sesswali għandna nisimugħhom u l-Knisja trid tgħinhom u timxi magħhom”.

Żiedet tgħid li għaliha kien importanti li tisma’ lill-Papa jafferma l-appoġġ u għajnuna tal-Knisja għal dawn il-vittmi.

Id-Direttur ‘ad interim’ tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Alessandro Gisotti, wara din l-ikla li kienet waħda privata, ta konferenza li fiha spjega il-mod ġdid kif il-Knisja trid titkellem maż-żgħażagħ. Il-messaġġ li ż-żgħżagħ wasslu lill-Papa Franġisku kien li “aħna rridu li tisimgħuna”. Gisotti qal li f’dan il-pontifikat, it-tema “li nisimgħu” hi attwali ħafna – it-terapija tas-smiegħ.

Hu qal li kuljum, bil-ġesti, bil-kant, f’kull mument importanti taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ qed jinsistu li “rridu nkunu mismugħa”. Iridu li l-adulti jeħduhom bis-serjetà. Fil-Papa Franġisku sabu alleat kbir għax jeħodhom bis-serjetà ħafna.

Gisotti qal li wara l-ikla tkellem mal-Papa u hu qalli “kemm kien importanti għalih li jisma’ lil dawn iż-żgħażagħ anke jekk ma kienx faċli jwieġeb għad-domandi tagħhom. Li tisma’ hu rigal mhux biss għaż-żgħażagħ imma anke għalina l-adulti, għall-ġenituri għan-nies tal-Knisja”.

Gisotti qal lill-ġurnalisti li hu jqis il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ  bħala kontinwazzjoni tas-Sinodu dwar iż-Żgħażagħ tas-sena li għaddiet għax hemm dinamika komuni bejn iż-żewġ avvenimenti. Iż-żgħażagħ qed jibdlu l-mixja ‘l quddiem tal-Knisja.  Il-Papa jirrikonixxi l-kontribut li ż-żgħażagħ qed jagħmlu fil-Knisja.