L-abbuż tat-tfal għandu jkun miġġieled anke quddiem it-theddid

Papa Franġisku ma' Father Daniel Portillo tal-CEPROME.

F’messaġġ li bagħat lil ċentru fil-Messiku li jifforma persuni biex jaħdmu għall-prevenzjoni tal-abbużi, il-Papa Franġisku kkundanna l-fatt li hawn nies li lesti jixtru u jħallsu persuni biex joqtlu lil min qed jaħdem favur il-prevenzjoni tal-abbużi u l-protezzjoni tat-tfal.

“Ikun hawn min ma jifhimkomx u jgħidilkom li qed taħlu l-ħin” qal il-Papa Franġisku lill-ħaddiema ta’ dan iċ-Ċentru magħruf bħala CEPROME li hu parti mill-Università Pontifiċja tal-Messiku. “Se tkunu mhedda. Ikun hemm min jgħidilkom li kapaċi jħallas lil xi ħadd biex jeħles minnkom”, qalilhom il-Papa.

 Għamlu l-kuraġġ

“Oqgħodu attenti, kunu prudenti, ħudu ħsieb tagħkom infuskom, imma ibqgħu għamlu l-kuraġġ u komplu aħdmu. Li tħarsu lit-tfal mill-abbużi jew mill-abbuż ta’ dawk li huma żvantaġġjati minħabba mard jew il-qagħda soċjali tagħhom, hu att ta’ mħabba”, qalilhom il-Papa Franġisku.

CEPROME taħdem id f’id maċ-Ċentru għall-Protezzjoni tat-Tfal tal-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma.

Fil-video b’dan il-messaġġ, jidher ħdejn il-Papa Franġisku Father Daniel Portillo, President taċ-CEPROME, li dan l-aħħar mar apposta f’Ruma biex jiltaqa’ mal-Papa u jiddiskutu l-inizjattivi li qed jieħu Bħalissa ċ-ċentru mmexxi minnu.

Fr. Portillo qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX li l-Papa Franġisku wera interess u appoġġ għall-ħidma tagħhom anke għaliex dan il-proġett fl-Amerika Latina jinkludi qafas ta’ kollaboraturi li joħolqu sinerġija bejn il-pajjiżi differenti u l-Konferenzi Episkopali għax “nafu kemm jista’ jsir xogħol biex nipprevjenu l-abbużi f’dan il-kontinet”.

Hu tkellem mal-Papa dwar workshop fuq il-prevenzjoni tal-abbużi f’ambjenti ta’ formazzjoni u inizjattivi oħra fosthom studju li jwassal għal Diploma fuq il-Prevenzjoni tal-Abbużi.

Barra minn dan, ħaddiema tal-CEPROME fix-xhur li ġejjin se jorganizzaw attivitajiet fil-Venezuela, l-Ecuador, Costa Rica, iċ-Ċile, Honduras u l-Peru.

Prevenzjoni

Fil-video, il-Papa qal lil dawk li jaħdmu f’dan iċ-Ċentru ta’ Prevenzjoni fil-Messiku li: “Intom issejħu lilkom infuskom appostli tal-prevenzjoni. Bis-saħħa tas-sewwa intom qed taħdmu biex teqirdu dak li hu ħażin. Nafu li l-ħażin kapaċi jeqred, iżda taqtgħux qalbkom. Il-ħażen jista’ jintrebaħ anke jekk idum u għandna bżonn il-paċenzja u minkejja t-theddid”.

F’messaġġ ieħor li l-Papa Franġisku kien bagħat lil dan l-isess Ċentru f’Lulju li għadda kien qal li kull persuna, sew jekk reliġjuż jew lajk, qassis jew Isqof “li ma jħallix lit-tfal imorru għand Ġesù, għandu jitwaqqaf sakemm għad għandna ċans jew ikun kastigat jekk iwettaq xi reat”.

Il-Papa qal li fejn tidħol il-Knisja Kattolika, it-tfal għandhom ikunu dejjem protetti “biex ħadd, ebda persuna, ma tabbużahom u ħadd m’għandu jfixkilhom milli jaslu għand Ġesù”.

“L-abbuż hu problema gravi li lkoll nafu biha li ġiebet għajb fuq il-Knisja meta membri tagħna wettqu dawn ir-reati.  Qatt ma tista’ tkun taf fejn tifel jista’ jkun abbużat, fejn jitlef it-triq, fejn jersaq lejn id-droga li hi mod ieħor ta’ korruzzjoni u abbuż. Ma naħsbux biss fuq l-abbużi sesswali.  Għandna nipprevjenu kull tip ta’ abbuż”, insista l-Papa Franġisku fil-video.