L-abbozz tas-Samaritan it-Tajjeb se jsir liġi

L-abbozz magħruf bħala tas-Samaritan it-Tajjeb ġie approvat mill-kumitat għall-konsiderazzjoni tal-liġijiet u se jsir liġi, sentejn wara li tressaq fil-Parlament għad-diskussjoni.

Dan se jemenda l-kodiċi ċivili u dak kriminali li se jipprovdi l-immunità mir-responsabbiltà għal min joffri assistenza jew salvataġġ f’każ ta’ inċident.

Dan l-abbozz ma tressaqx mill-Gvern iżda mill-Oppożizzjoni u ħa sentejn biex wara li ngħalqet id-diskussjoni fil-Parlament tressaq għall-konsiderazzjoni tal-kumitat li japprova l-liġijiet.

L-abbozz kien pilotat mid-deputat Nazzjonalista Claudio Grech u joffri protezzjoni lil min joffri għajnuna f’każ ta’ inċident jekk l-intervent tiegħu jwassal għal aktar sofferenzi mill-vittma jew inkella danni fi propjetà.

Madanakollu, il-liġi ma toffri l-ebda protezzjoni għal atti mwettqa b’negliġenza kbira u intenzjonata. F’dawn il-każijiet, il-vittmi, jistgħu jitolbu għad-danni attwali sostnuti lill-persuni tagħhom jew lill-propjetà tagħhom waqt is-salvataġġ, jekk is-sitwazzjoni tkun irriżultat minn atti ta’ negliġenza jew intenzjonati.