L-abbandun u qtil ta’ trabi f’Malta żdied b’mod drastiku dawn l-aħħar snin

Wara studju li sar fuq 138,000 każ kriminali f’Malta fuq medda ta’ disa’ snin, joħroġ li kien hemm żieda sinjifikanti fis-serq, atti kriminali relatati mal-użu tal-kompjuter, l-abbandunar ta’ tfal u prostituzzjoni.

Dr Saviour Formosa huwa senior lecturer fl-Università ta’ Malta, u wkoll direttur ta’ CrimeMalta. Spjega li l-atti kriminali f’Malta żdiedu. Fost oħrajn:

• Is-serq żdied b’27%, minn 6,800 każ fl-2009 għal 8,690 każ fl-2012

• Bejn l-2004 u l-2012, kien hemm medja ta’ tlett każi kuljum ta’ persuni li weġgħu lil xulxin fiżikament

• Bejn l-2004 u l-2012, kien hemm medja ta’ każ wieħed ta’ frodi kull jum

• Minħabba li kien hemm aktar għarfien dwar l-importanza li atti kriminali reltati ma’ komputers jiġu rrapportati, dawn it-tip ta’ reati żdiedu minn 10 fis-sena fl-2004 għal 250 fl-2012. Dan kien dovut ukoll għal fatt li n-nies sabu modi aktar sofistikati kif iwettqu reati bil-kompjuter.

• Reati relatati mad-droga żiedu minn 78 fl-2004 għal 203 fl-2012

• L-abbandun jew qtil ta’ trabi żdied minn medja ta’ 2 bejn l-2004 u l-2008 għal 11-il każ fl-2012. Ir-rapport ma jidħolx fid-dettall ta’ kif ġew abbandunati jew inqatlu dawn it-trabi.

• Reati fejn tidħol il-prostituzzjoni żdiedu minn 16 fl-2004 għal 103 fl-2011

• Każijiet ta’ vjolenza domestika żdiedu minn 450 fl-2008 għal 1028 fl-2012

• Vjolenza kontra uffiċjali publiċi rdoppjat, minn 111-il każ fl-2004 għal 230 fl-2012

F’Diċembru tal-2001, kien hemm 252 persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fi Frar tal-2013 kien hemm 639 persuna.

L-ikbar ammont ta’ atti kriminali saru f’San Ġiljan. Wara, insibu l-Mdina, Floriana u l-Belt.

L-iktar positijiet fejn isir serq minn residenzi huma San Ġiljan, Swieqi, Pembroke, Msida u San Pawl il-Baħar.

L-iktar positijiet li fihom isir serq ta’ u minn vetturi huma San Ġiljan, Floriana u Sliema.