L-ABBA se joħorġu kanzunetta ġdida fi ftit xhur

Il-grupp Żvediż ABBA kkonferma li se joħroġ kanzunetta ġdida f’Settembru jew Ottubru.

Dan ikkonfermah Björn Ulvaeus mill-grupp, hu u jitkellem ma’ Ekstra Bladet, gazzetta Daniża. Lill-gazzetta qalilha li ilhom jipposponu li joħolqu mużika ġdida għal żmien twil, imma li jieħu ħafna żmien biex jinħoloq filmat magħmul minn figuri olografiċi tal-grupp.

ABBA ħabbru li se joħorġu 2 kanzunetti ġodda f’April tas-sena li għaddiet, wara l-aħbar li se jkollhom tour diġitali bl-avatars tagħhom stess, Abbatars.

“Forsi aħna kbirna, imma l-kanzunetta għadha ġdida, u qed inħossuna tal-ġenn,” kompla jgħid Ulvaeus. Il-kanzunetti se jkun jisimhom I Still Have Faith In You u Don’t Shut Me Down, u se jkunu l-ewwel kanzunetti tal-grupp fi kważi 40 sena. Waħda mill-kanzunetti ġiet deskritta bħala kanzunetta li tiżfen magħha, filwaqt li l-oħra hija iżjed kanzunetta ta’ riflessjoni.

ABBA kisbu fama internazzjonali meta rebħu l-Eurovision Song Contest fl-1974 bil-kanzunetta Waterloo. Minn hemm, kellhom kanzunetti li saru magħrufa mad-dinja kollha bħal SOS, Mamma Mia, Super Trouper u Money Money Money. Il-grupp kien l-ispirazzjoni għall-film Mamma Mia u Mamma Mia 2 li l-protagonisti tiegħu kienu Meryl Streep u Amanda Seyfried.