L-Abakus fil-primarja se jibqa’ jintuża ‘skont l-abilitajiet tat-tfal’

Il-ktieb u s-sistema tal-Abakus fl-iskejjel primarji se jibqgħu jintużaw, imma t-tagħlim u l-metodi se jkunu differenti skont il-ħtiġijiet individwali tat-tfal.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li mhux minnu li l-Abakus se jitneħħa wara l-2016. Dan minkejja l-ansjetà u t-tensjoni li jaħkmu lill-istudenti u lill-ġenituri meta jkollhom jużaw dan il-metodu kumpless.
L-Uffiċjal għall-Edukazzjoni fil-Matematika fl-iskejjel primarji Melanie Casha Sammut qalet ma’ Newsbook.com.mt, li l-ebda ktieb ma jista’ qatt jindirizza l-bżonnijiet ta’ kull student bl-aħjar mod.  Spjegat li l-Abakus hi biss skema ta’ kotba u li hemm distinzjoni bejn il-ktieb u s-sillabu. Qalet ukoll li “mhux se jkun hemm riżorsa waħda, iżda metodi  differenti li japplikaw għall-bżonnijiet differenti tat-tfal.”
Casha Sammut qalet li s-sillabu tal-matematika fil-primarja ġie rivedut is-sena li għaddiet, u beda jiġi ppratikat matul din is-sena skolastika.  Saħqet li għandu jkun dan is-sillabu li jiggwida t-tagħlim tal-matematika fil-klassi.
“F’każ ta’ bidla, l-għalliema u l-ġenituri se jiġu nfurmati, imħarrġa u mgħejjuna kif xieraq”, żiedet tgħid l-EO tal-Matematika fil-Primarja.
Spjegat ukoll li jekk jinħass il-bżonn li jkun hemm bidla, kemm fil-metodoloġija u anke fl-iskema ta’ kotba, din trid tirrispetta l-prinċipji u l-miri ta’ tagħlim propost.
Melanie Casha Sammut qalet li bħalissa, id-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-edukazzjoni flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni qed ifassal il-Learning Outcomes Framework, u programmi assoċjati ta’ tagħlim, assessjar u taħriġ dwar is-suġġetti kollha.
Spjegat li l-matematika bħal kull suġġett ieħor, hu wieħed mis-suġġetti li għaddej mill-proċess ta’ reviżjoni tas-sillabi fis-snin bikrin, fil-primarja u s-sekondarja. Qalet li l-għalliema u kull min hu interessat se jkollu l-opportunità li jagħti l-kummenti tiegħu dwar dak kollu li se jiġi propost qabel ma jiġi ffinalizzat il-proġett.