L-aħħar jum tal-Milied fil-Forti

F’dan it-tmiem il-ġimgħa, Heritage Malta ttrasforma l-Forti Sant’Anġlu f’villaġġ tal-Milied fejn il-pubbliku jista’ jgawdi attivitajiet tradizzjonali relatati ma’ din il-festa, żjarat bi gwida tal-Forti, kant tal-kor u mużika.

Illum il-Ħadd 8 ta’ Diċembru, il-pubbliku jista’ jżur il-Forti mid-9.00am. L-attivitajiet għat-tfal se jibdew fl-10.00am u se jinkludu attivitajiet tal-arti, il-preparazzjoni tal-pudina tal-ħobż, il-bini ta’ presepju tal-karti u informazzjoni dwar il-purċissjoni tradizzjonali tal-Bambin. Se tiġi ċċelebrata quddiesa fil-Forti fl-10.30am. Żjara bi gwida mal-Forti bil-Malti se ssir f’nofsinhar u dik bl-Ingliż fl-4.00pm. L-atmosfera festiva se tiżżejjen bil-mużika tal-Malta School of Music u bil-kant tal-kor Centrestage. Il-Forti jagħlaq fit-8.00pm (l-aħħar dħul fis-7.30pm).

Il-pubbliku se jkun jista’ jżur esebizzjoni żgħira ta’ presepji minjatura li ġew minn diversi pajjiżi u li ingħataw b’donazzjoni lil Heritage Malta minn Albert u Lina McCarthy.

Il-pubbliku se jkun jista’ jixtri rigali artiġġjanali waqt dan l-avveniment. Barra minn hekk, Heritage Malta se tkun qed tippreżenta offerti speċjali fuq diversi pubblikazzjonijiet. Se jkun hemm ukoll ikel għall-bejgħ, ħelu tradizzjonali u xorb sħun tal-Milied.

It-tfal jistgħu jżommu memorja ta’ din l-esperjenza billi jieħdu ritratt ma’ Father Christmas.

Jeħtieġ li jinxtara biljett għaż-żjarat bi gwida (€2 il-wieħed), attivitajiet tal-arti (€3 il-wieħed), u attivitajiet tat-tfal (€5). Il-biljetti jistgħu jiġu akkwistati mill-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta jew minn Forti Sant’Anġlu fil-jiem tal-avveniment. Il-pubbliku huwa mgħarraf li hemm numru limitat ta’ biljetti. F’każ ta’ maltemp, wieħed jista’ jikkonsulta mal-paġna ta’ Facebook ta’ Heritage Malta ħalli jara kif se jipproċedi l-programm.