L-A.D. tgħid illi l-partit hu l-għażla naturali għal kull persuna

L-Alternattiva Demokratika qalet illi l-partit hu l-għażla naturali għal kull persuna li tħaddan prinċipji ibbażati fuq id-drittijiet u libertajiet ċivili

F’konferenza fil-Belt Valletta, iċ-Chairperson Michael Briguglio qal li l-Alternattiva Demokratika minn dejjem kienet minn ta’ quddiem tahdem għad-drittijiet u l-libertajiet ċivili f’Malta. Fi kwistjonijiet bħad-divorzju, id-dritt ghall-espressjoni, id-dikriminalizzazzjoni tad-drogi għall-użu personali, drittijiet ta’ persuni LGBT, drittijiet tal-minoranzi u sekularizzazzjoni, l-AD għandha rwol storiku li ssemma’ leħinha.

L-Alternattiva Demokratika qalet li huma qed jitolbu wkoll separazzjoni ċara bejn l-Istat u l-Knisja, bhalma hu l-kaz, hija qalet, f’kull demokrazija moderna. Qal li fil-parlament huma se jipproponu r-reviżjoni ta’ Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni. Filwaqt li jirrikonoxxu l-fatt li l-Kristjaneżmu ikkontribwixxa sostanzjalment għall-izvilupp tas-soċjeta’ Maltija, jemmnu li l-Kostituzzjoni għandha tpoġġi lil kull reliġjon fl-istess keffa.