L-40 anniversarju mill-ewwel pellegrinaġġ ta’ Ġwanni Pawlu II f’art twelidu

Matul din il-ġimgħa miljuni ta’ Pollakki qed jiċċelebraw l-40 anniversarju mill-ewwel pellegrinaġġ li l-Papa Ġwanni Pawlu II kien għamel fil-Polonja bejn it-2 u l-10 ta’ Ġunju.

Id-djoċesijiet Pollakki kollha kif ukoll istituzzjonijiet pubbliċi ppreparaw numru ta’ avvenimenti biex ifakkru dan l-anniversarju. Barra minn hekk se jkun pubblikat id-diskors li Papa Wojtyla kien għamel lill-Kunsill Ġenerali tal-Isqfijiet f’Cesna Gora fl-1979 u li sal-lum ma kienx għadu magħruf.

Diskors storiku

F’konferenza stampa li fiha tħabbru l-attivitajiet ta’ dan il-Ġublew, iċ-Ċentru tal-Ħsieb ta’ Ġwanni Pawlu II, ippreżenta partijiet minn dan id-diskors storiku li jgħin lil wieħed jifhem il-fenomenu tal-bidla li saret fil-Polonja u l-Ewropa tal-Lvant u dik Ċentrali.

Fid-diskors li kien għamel lill-Isqfijiet Pollakki fl-1979 Papa Wojtyla kien fakkarhom li “Il-Knisja Pollakka għandha pożizzjoni globali, trid jew ma tridx. Il-fatt li l-Papa hu mill-Polonja hu prova ta’ dan. Din il-problema trid tkun dejjem preżenti f’moħħ il-Knisja Pollakka: Għaliex l-esperjenza tal-Knisja fil-Polonja saret meħtieġa għall-Knisja kollha? Il-Knisja fil-Polonja saret u għadha meħtieġa f’dimensjoni universali, kullimkien”.

L-Arċisqof Stanislaw Gadecki, President tal-Konferenza Episkopali Pollakka qal li l-Ġublew tal-ewwel pellegrinaġġ tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’art twelidu, meta kien lissen il-frażi memorabbli: “Ħalli l-Ispirtu Tiegħek jinżel fuqna” turina li s-sejħa biex Alla jibgħat l-Ispirtu s-Santu m’hix xi ħaġa tal-passat imma tgħodd għal-lum ukoll.

Ħalli l-Ispirtu Tiegħek jinżel fuqna

L-Arċisqof Gadecki qal li l-frott ta’ din it-talba tal-Papa jidher fit-trasformazzjoni li seħħet fl-Ewropa u fid-dinja. “Dan hu eżempju għalina li rridu nkomplu nitolbu għall-Polonja anke jekk illum qed ngħixu fil-libertà”.

L-attivitajiet tal-Ġublew qed isiru bil-motto: “Responsabbiltà għall-Ġid Komuni”. Diġa’ saru numru ta’ konferenzi xjentifiċi f’Varsavja, Cracow u Gniezno bil-parteċipazzjoni ta’ diversi mistiedna internazzjonali.

Tlesta wkoll portal elettroniku dedikati għal dik l-ewwel żjara tal-Papa Pollakk f’pajjiżu. Barra minn dan, it-tema tal-Festa tar-Ringrazzjament li ssir fil-Knisja tal-Providenza Divina f’Varsavja se tkun dik ta’ ringrazzjament lil Alla li ta lill-Polonja il-Papa Ġwanni Pawlu II u lill-Kardinal Stefan Wyazynski.

Bejn it-2 u l-10 ta’ Ġunju 1979, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien żar Varsavja, Gniezno, Czestochowa, Cracow, Kalwaria Zebrydowska, Wadowice, Oswiecim u Nowy Targ.