L-24 Tour taċ-Ċikliżmu f’Malta b’aktar parteċipanti nisa

L-24 edizzjoni tat-Tour Internazzjonali ta’ Malta taċ-Ċikliżmu mistenni tattira numru rekord ta’ parteċipanti barranin b’mod partikolari nisa.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Isports, Clifton Fenech, waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie varat dan it-tour, li se jsir fuq erbat ijiem bejn it-22 u l-25 ta’ Marzu.
Filwaqt li awgura kull suċċess liċ-ċiklisti Maltin, Fenech ħabbar li bdew l-istudji neċessarji sabiex ikun identifikat sit fejn tkun tista’ ssir il-velodrome, li hija għodda eċċellenti għal dan l-isport u anke sabiex il-Gvern iżomm mal-wegħda elettorali tiegħu.
Kemm ilu jsir dan it-tour serva bħala opportunità tajba biex iċ-ċiklisti lokali jkunu jistgħu jikkompetu ma’ oħrajn barranin f’Malta stess.
Intqal li l-maġġoranza tal-klabbs barranin ġejjin mill-Ingilterra u l-Italja. Ma’ dawn se jieħdu sehem ukoll fuq bażi individwali, ċiklisti barranin minn diversi pajjiżi oħra.
L-ewwel tappa se tkun tikkonsisti f’Individual Time Trail fuq iċ-ċirkwit tal-Imtarfa b’distanza ta’ 12-il kilometru, it-tieni tappa, b’distanza ta’ 83.3 kilometru se tkun fil-bypass ta’ San Pawl, t-tielet tappa b’distanza ta’ 60 kilometru se issir fuq iċ-ċirkwit tal-bypass ta’ Ħaż-Żebbug, u finalment ir-raba’ tappa se tkun tiġrija ta’ 88 kilometru fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin.
B’kollox se jkun hemm tliet kategoriji ta’ ċiklisti jieħdu sehem, li huma tal-Elite, tan-nisa u tal-Masters ta’ ’l fuq minn 40 sena.
Ritratt: DOI – Anthony Sammut