L-2019 kienet is-Sena tal-Martri

Thomas Heine-Geldern, President tal-Fondazzjoni Pontifiċja Aid to the Church in Need flimkien mal-Papa Franġisku (ACN).

Għal Thomas Heine-Geldern, President tal-Fondazzjoni Pontifiċja is to Church in Need is-sena li għaddiet kienet “Sena ta-Martri, waħda mill-aktar imdemmij fl-istorja tal-insara. L-akbar daqqa kienet l-attakk fuq tliet knejjes fi Sri Lanka fejn inqatlu aktar minn 250 persuna. Aħna nkwetati wkoll dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina u fl-Indja.”

Min-naħa l-oħra, fuq nota pożittiva “il-politiċi u l-opinjonisti fl-Ewropa tal-Punent issa qed jitkellem b’aktar frekwenza dwar il-Libertà Reliġjuża”. B’eżempju ta’ dan, Heine-Geldern semma l-video li r-rekordja l-Prinċep Karlu tal-Ingilterra fejn jirreferi għat-tbatija kbira u l-persekuzzjoni tal-insara madwar id-dinja u talab biex tintwera solidarjetà magħhom.

Libertà Reliġjuża

Il-President ta’ ACN appella lill-organiżazzjonijiet multinazzjonali u internazzjonali – fosthom in-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea biex jipproteġu l-Libertà Reliġjuża fil-pajjiżi kollha, bħala dritt fundamentali tal-bniedem. “Qed jingħad ħafna dwar dan imma ftit li xejn qed isir bil-fatti.  Diffiċli tifhem kif f’pajjiż bħal Franza, is-sena li għaddiet kien hemm aktar minn 230 attakk fuq istituzzjonijiet insara. L-avvenimenti fiċ-Ċile kienu wkoll xokkanti fejn minn Ottubru ‘l hawn kienu attakkati u desakrati 40 knisja.

Dwar dak li seħħ fl-Afrika, il-President tal-Fondazzjoni Pontifiċja esprima tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni tal-insara fin-Niġerja fejn it-terroristi Islamiċi tal-Boko Haram qed joħolqu stat ta’ terrur fit-tramuntana tal-pajjiż u fl-inħawi qrib il-fruntiera mal-Cameroon.

Hemmhekk, lejlet il-Milied fil-willaġġ ta’ Kwarangulum li jinsab fl-istat ta’ Borno fejn jgħixu l-insara sar attakk mill-Jihadisti u nqatlu seba’ persuni, inħatfet mara żagħżugħa u d-djar u l-knisja ngħataw in-nar.  L-għada kien imxandar video mill-ISIS fejn jidhru qed jaqtgħu ras għaxar insara oħra.

Sena diżastruża

Skont Heine-Geldern, l-2019 kienet sena diżastruża għall-insara fil-Burkina Faso.  Ftit ftit l-insara qed jitkeċċew mill-pajjiż. Ingħalqu kappelli u skejjel. Kien hemm seba’ attakki fuq Kattoliċi u Protestanti li fihom inqatlu 34 nisrani, fosthom żewġ qassisin u żewġ kappillani.

Is-sitwazzjoni tal-insara fil-Lvant hi dejjem ta’ tħassib.  Il-President ta’ ACN ikkwota l-kliem tal-Arċisqof ta’ Erbil, Mons Bashar Matti Warda li tkellem dwar il-perikli għall-insara fl-Iraq fejn l-invażjoni tal-ISIS kienet waħda biss mill-attakki li saru fuq il-komunità nisranija.  L-Isqof kien qal li qabel l-invażjoni kienu twettqu numru ta’ attakki u ma kull attakk in-numru tal-insara fl-Iraq u fis-Sirja kompla jonqos.  Il-kriżi fil-Lebanon qed tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni tal-insara f’dak il-pajjiż filwaqt li qed toħloq diveri ostakli biex titwassal l-għajnuna lis-Sirja.

Minkejja dan kollu, Heine-Geldern iħares lura lejn is-sena li għaddiet bi gratitudni. Fix-xogħol ta’ Aid to Church in Need “barra li nġorru s-salib u t-tbatija ma ħafna nies, nesperjenzaw id-devozzjoni kbira u l-imħabba ta’ ħafna nies. Fis-Sirja, per eżempju għadha għaddejja l-gwerra u n-nies qed ibatu l-konsegwenzi tagħha.  F’dawn l-aħħar snin ACN kienet fil-pajjiż diversi drabi u tiskanta kif ħafna nies dedikati, sorijiet, patrijiet, saċedoti, Isqfijiet u lajċi, megħjbil-ġenerożità tal-benefatturi, qed jagħmlu dak kollu possibbli biex itaffu t-tbatija spiritwali u materjali ta’ dan il-poplu”.