L-2018 mimlija attivitajiet għall-Knisja fil-Polonja

Waħda mill-attivitajiet organizzata mill-Knisja fil-Polonja matul din is-sena

Is-sena li għaddiet, fl-okkażżjoni tal-100 anniversarju mill-indipendenza, il-Knisja Kattolika fil-Polonja, bil-kollaborazzjoni tal-Gvern organizzat sena sħiħa ta’ attivitajiet reliġjużi.

Il-quddiesa ta’ ringrazzjament għall-Indipendenza tal-pajjiż saret fit-28 ta’ April fi Gniezno, u fit-13 ta’ Mejju fi Cracow fejn hemm ir-relikwi ta’ San Adalbertu u San Stanislaw li huma l-qaddisin patruni tal-pajjiż. Fit-3 ta’ Mejju kienet ċelebrata l-festa tal-Verġni Marija, Reġina tal-Polonja.

Fit-3 ta’ Ġunju saret iċ-ċelebrazzjoni ewlenija fit-Tempju tal-Provvidenza Divina f’Varsavja bil-parteċipazzjoni tal-Isqfijiet Pollakki u l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. Il-quddiesa kienet preseduta mill-Primat tal-Polonja, l-Arċisqof Wojciech Polak filwaqt li l-Att ta’ Ringrazzjament sar mill-Kardinal Kazimierz Nycz, Metropolita ta’ Varsavja

L-ewwel avveniment importanti tal-2018 kienet il-Beatifikazzjoni ta’ Hanna Chrzanowska, infermiera, li ċ-ċerimonja tagħha saret fit-28 ta’ April fi Cracow, preseduta mill-Kardinal Angelo Amato li sa dakinhar kien għadu Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin. Din kienet ċelebrazzjoni għas-settur tas-saħħa, partikolarment infermiera u qwiebel u l-morda li l-Beata l-ġdida ddedikat ħajjitha għalihom u waqqfet l-ewwel ospizji.

Fil-15 ta’ Awwissu kien ċelebrat l-450 anniversarju mill-mewt ta’ San Stanislaw Kostka, patrun taż-żgħażagħ.  F’din l-okkażżjoni  saret ukoll l-Assemblea Plenarja tal-Isqfijiet Pollakki li saret fid-djoċesi ta’ Plock fejn kien twieled dan il-qaddis.

Bejn it-3 u s-6 ta’ Settembru f’Poznan inżammet l-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal-Konferenzi tal-Isqfijiet Ewropej. Kardinali u Isqfijiet minn madwar l-Ewropa kollha li ddiskutew it-tema tas-Solidarjetà u l-Volontarjat. Minn dan l-istudju ħareġ li ebda istituzzjoni oħa fl-Ewropa ma tikkontribwixxi għall-volontarjat daqs il-Knisja Kattolika.

Il-Knisja Pollakka kellha wkoll sehem importanti fis-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-Żgħażagħ li sar fil-Vatikan bejn it-3 u t-28 ta’ Oittubru. Fis-Sinodu, barra r-rappreżentanti tal-Konferenza Eġiskopali ħa sehem ukoll fuq stedina tal-Papa Franġisku, l-Isqof Marian Florcyzk  membru tal-Kunsill tal-Ministeru taż-Żgħażagħ u Delegat għall-Kura Pastorali tal-Atleti.

Fis-16 ta’ Ottubru saret iċ-ċelebrazzjoni ewlenija tal-40 anniversarju mill-elezzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II li bidel l-istorja tad-dinja filwaqt li daħħal sens akbar ta’ libertà fost il-Pollakki. Għal dik l-okkażżjoni saret quddiesa bil-parteċipazzjoni tal-Isqfijiet kollha u l-awtoritajiet tal-pajjiż fis-Santwarju San Ġwanni Pawlu II fi Cracow.

Fil-Ħarifa saret ċelebrazzjoni fis-Sena ta’ Padre Pio fl-okkażżjoni tal-100 anniversarju minn meta dan il-qaddis irċieva li stigmati u l-50 anniversarju minn mewtu u sar ukoll pellegrinaġġ għal San Giovanni Rotondo.