L-2018 kienet sena rekord fl-addozzjoni – Falzon

Is-sena li għaddiet kienet sena rekord fil-qasam tal-addozzjoni. Dan żvelah il-Ministru għall-Familja Michael Falzon fil-Parlament. Meta kien qed iwieġeb mistoqsija supplimentari tad-Deputat Laburista Alex Muscat, Falzon qal li s-sena li għaddiet kien hemm 58 addozzjoni minn barra l-pajjiż.

Minn dawn, 38 ġew mill-Indja, fejn il-liġi tal-pajjiż tippermetti li jiġu addottati tfal żgħar, filwaqt li kien hemm addozzjoni mit-Tajlandja, u l-oħrajn ġew mill-pajjiżi Ewropej b’mod partikolari mill-Portugal u minn Slovakkja.

B’konsegwenza t’hekk, il-vot ta’ nofs miljun ewro vvutata biex tiġi implimentata miżura tal-baġit, fejn koppji li jaddottaw jingħataw għotja ta’ €10,000, inqabżet b’ €180,000.

Falzon qal li din l-għotja tkopri biss parti żgħira mill-ispejjez tal-addozzjoni.