L-2017 u l-1977: X’għandhom komuni?

Minkejja l-ħafna avvenimenti li seħħew din is-sena, l-2017 se tibqa’ mdemmija bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
L-istess ġara mis-sena 1977. Minkejja li għaddew 40 sena, baqgħet tissemma bħala s-sena li fiha nqatlet iż-żagħżugħa Karin Grech.
Fil-fatt kien bħal-lum erbgħin sena li Karin Grech, ta’ 15-il sena, fetħet envelopp indirizzat lil missierha, liema envelopp ma kellux ittra jew xi kartolina, iżda bomba 
Missier il-vittma Edwin Grech, kien ir-Renju Unit meta ntalab jirritorna Malta fl-1977 biex joffri servizz ta’ konsulent u kap tad-Dipartiment fl-Isptar San Luqa, fi żmien li t-tobba kienu qed jistrajkjaw.
Ftit ġimgħat wara li wasal lura Malta, f’Diċembru tal-istess sena, envelopp miksi b’karta tal-Milied wasal bil-posta fid-dar ta’ Grech.
Karin fetħet l-envelopp li sploda u kkawżalha feriti gravi tant li mietet aktar tard dakinhar stess.
Ħuha wkoll kien weġġa’ u kellu jingħata l-kura barra minn Malta.
Illum, 40 sena wara, il-moħħ wara dan l-assassinju baqa’ mhux magħruf u l-każ baqa’ misteru.
Ftit tal-ġimgħat ilu, Il-familja ta’ Karin Grech, ressqet protest ġudizzjarju li fih stqarrew li ntilfu partijiet mill-envelopp li kellu fih l-isplussiv li qatel lil binthom fl-1977.
Il-familja taż-żagħżugħa qalet li l-biċċiet mitlufa setgħu tefgħu dawl fuq dan l-assassinju bis-saħħa ta’ teknoloġija forensika ġdida li ġiet żviluppata tul dawn l-aħħar 40 sena.
Iżda l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u d-Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja sostnew li mhux vera ntilfet xi evidenza.
Is-sena li għaddiet, f’ċerimonja quddiem il-mafkar ta’ Karin Grech f’San Ġwann, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li trid tinqata’ l-mentalità li l-poplu jħares lejn Karin Grech u Raymond Caruana skont it-twemmin politiku tagħhom.
Il-Prim Ministru kien appella biex tkompli l-investigazzjoni wara l-qtil ta’ Karin Grech biex issir ġustizzja.