Ritratti: Jieqaf ir-rekord tal-aktar żmien sigur għall-ivjaġġar bl-ajru

L-2017 kisret ir-rekord bħala l-aktar sena sigura għall-ivjaġġar bl-ajru.
Dan hekk kif skont il-midja internazzjonali l-inċident tal-lum fejn ajruplan tal-passiġġieri ġġarraf fir-Russja kien l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu f'aktar minn sena. 
Biċċiet mit-tifrik tal-ajruplan li ġġarraf  u numru ta’ katavri nstabu f’għalqa kbira f’Argunovo fir-Russja.
L-Awtoritajiet ikkonfermaw li wieħed mill-flight recorders instab diġa’ u qed ikun investigat.
Il-President Russu Vladimir Putin esprima l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi u ħabbar li se infetħet inkjesta uffiċċjali biex tkun determinata l-kawża tal-inċident.
Mill-investigazzjonijiet li saru s’issa jirriżulta li l-passiġġieri li kienu abbord kienu kollha minn Orenburg, ir-reġjun fir-Russja fejn l-ajruplan kien sejjer fil-ħin li ġġarraf.
X'nafu s'issa?
L-ajruplan telaq mill-ajruport ftit qabel il-11.30am (ħin lokali) il-Ħadd.
Il-kuntatt bejn l-ajruplan u t-torri tal-kontroll intilef wara erba’ minuti.
Skont l-informazzjoni fuq Flightradar24 l-ajruplan iġġarraf b’rata ta’ 1,000 metru fil-minuta.
Xhieda li kienu fl-akwati ta’ fejn iġġarraf l-ajruplan qalu li rawh jaqbad waqt li kien niżel.
Il-midja Russa qed tallega li sorsi mhux magħrufa li qed jgħinu fl-investigazzjoni qalu li eżatt qabel iġġarraf l-ajruplan il-pilota rrapporta ħsara teknika u talab permess biex jagħmel inżul ta’ emerġenza.