​L-2014…it-tielet l-aktar sena sħuna f’Malta

Is-sena 2014. It-tielet l-aktar sena sħuna f’Malta, iżda sena li matulha kellna t-tieni l-aktar ġurnata kiesħa.
Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li t-temperatura medja annwali kienet 19.88°C.
Sa mill-1923, din it-temperatura nqabżet  darbtejn biss: fl-1999 u fl-2001, b’19.9°C u 19.94°C rispettivament.
L-2014 kienet sena b’temp isbaħ, aktar niexef u b’inqas riħ mill-medja f’Malta.
Settembru kien l-aktar xahar sħun tas-sena, b’temperatura medja ta’ aktar minn 34°C. L-iktar jum sħun kienet l-14 ta’ Awwissu b’34.7°C.
Diċembru kien l-iktar xahar kiesaħ b’temperatura medja ta’ 7.7°C bl-aktar jum kiesaħ ikun fl-aħħar tas-sena bi 2.8°C, it-tieni l-aktar jum kiesaħ qatt irreġistrat. F’dan ix-xahar rajna wkoll forma rari ta’ preċipitazzjoni ta’ borra.
B’kollox Malta gawdiet medja ta’ 8.4 sigħat ta’ xemx kuljum, 0.4 sigħat aktar mill-medja ta’ kuljum. Lulju gawda minn medja ta’ 11.77 sigħat ta’ xemx qawwija u l-iktar sema ta’ kulur ikħal.
L-iktar xahar mudlam kien Diċembru u l-iktar xahar bi sħab kien Marzu.
Bejn Jannar u Diċembru, kien hemm inqas xita u inqas riħ minn dak li normalment ikollna f’Malta.
It-total ta’ xita reġistrat kienet ta’ 504.3mm, 48.7mm inqas mill-medja annwali. F’34 jum kellna s-sajjetti, kellna disat ijiem biċ-ċpar u sitt ijiem bis-silġ.
L-iktar xhur niexfa kienu Lulju, Awwissu u Settembru, u l-iktar xahar imxarrab kien Diċembru.
April kien l-aktar xahar bir-riħ b’medja ta’ 10 mili nawtiċi. L-iktar jum b’riħ qawwi kien meta kien hemm ċiklun fis-7 ta’ Novembru, b’saħħa ta’ 64 mil nawtiku.